TWEĠIBA POŻITTIVA GĦALL-PROĊESS TA’ KONSULTAZZJONI DWAR L-EKONOMIJA L-ĦADRA U L-GREEN JOBS
Dalgħodu l-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima Leo Brincat ġie ppreżentat bi proposti dwar l-Ekonomija l-Ħadra mressqa mill-Malta Business Bureau u mill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Ristoranti, MHRA.
Il-Ministru Leo Brincat qal li huwa ta’ sodisfazzjon li wieħed jinnota t-tweġiba pożittiva li kien hemm mill-istakeholders fil-proċess ta’ konsultazzjoni għall-istrateġija dwar l-Ekonomija l-Ħadra, li tinkludi l-green jobs. Dan il-proċess ġie mniedi xagħrejn ilu.
Il-Ministru Brincat qal liċ-Chairperson tal-core group li qed imexxi l-istrateġija tal-Ekonomija l-Ħadra u l-Green Jobs rċieva sottomissjonijiet kemm mill-membri tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Socjali u Ekonomiku l-MCESD, minn diversi faxex tas-settur privat, minn eNGOs u anke minn entitajiet governattivi u individwi.
Spjega li permezz ta’ evalwazzjoni fuq livell inter-ministerjali se jiġu identifikati dawk is-setturi li l-aktar jistgħu jikkontribwixxu b’mod proattiv għat-tkabbir tal-Ekonomija l-Ħadra.
Il-Ministru Leo Brincat spjega li qed isiru studji mill-ETC u l-NSO f’dan ir-rigward. Aktar minn hekk kemm il-membri tal-MCESD u l-awtoritajiet governattivi diġà nnominaw rappreżentanti biex jieħdu sehem f’taħdidiet dwar il-miżuri proposti u l-impatt pożittiv li jistgħu jkollhom fuq pajjiżna.
Finalment il-Ministru Brincat radd ħajr lil kull min ta sehmu fil-proċess ta’ konsultazzjoni, fl-istesswaqt ħeġġeġ lil dawk l-entitajiet u eNGOs li għadhom ma għamlux dan biex jibagħtu s-sottomissjonijiet tagħhom fil-ġejjieni qarib.
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en