IFFIRMAT FTEHIM TA’ NOFS MILJUN EWRO GĦALL-KLABBS TAL-FUTBOL GĦAWDXIN
Illum gie ffirmat ftehim bejn il-Gvern u l-Gozo Football Association b’valur ta’ nofs miljun ewro, mis-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport, Stefan Buontempo u l-President tal-Assoċjazzjoni, is-Sur Alvin Grech. Permezz ta’ dan il-ftehim se jsiru diversi xogħlijiet fi grawnds differenti madwar il-gżira Għawdxija u anke xogħlijiet fil-Gozo Stadium biex ikun jista’ jilqa’ l-kompetizzjoni tal-UEFA U17 f’Mejju li ġej.
Waqt iċ-ċerimonja tal-iffirmar tal-ftehim, is-Segretarju Parlamentari Buontempo qal li, “illum qed nassistu mhux biss għat-twettiq ta’ wegħda oħra mill-Manifest Elettorali, imma qed naraw l-ikbar investiment li qatt sar fil-Gżira Għawdxija f’dak li għandu x’jaqsam mal-qasam sportiv”. Huwa kompla jgħid li ma’ dan l-investiment, wieħed ma jridx jinsa li propju mill-bidu ta’ din is-sena, ġiet estiża wkoll l-iskema fejn atleti Għawdxin li jiġu jipparteċipaw f’kompetizzjonijiet f’Malta, jingħataw parti mill-ispejjeż li jkollhom joħorġu biex jinżlu Malta. Issa individwi, barra klabbs, huma eliġibbli wkoll li japplikaw taħt din l-iskema.
Dr Buontempo tenna li l-Gvern qed iwettaq il-wegħda tiegħu li jaħdem biex ma jkunx hemm differenza bejn iż-żewġ gżejjer fejn jidħlu faċilitajiet u opportunitajiet sportivi.
Is-Segretarju Parlamentari Buontempo saħaq li b’dan l-investiment, il-klabbs Għawdxin se jkunu jistgħu jattiraw klabbs barranin għal training camps f’Għawdex għax ser ikollhom faċilitajiet li jippermettu biex jiġi attirat turiżmu sportiv u għalhekk tkun qed tinħoloq attività ekonomika filwaqt li l-klabbs Għawdxin ikunu sostenibbli.
Min-naħa tiegħu l-Ministru għal Għawdex Anton Refalo saħaq kif grazzi għal dan il-ftehim il-klabbs Għawdxin se jibbenefikaw mis-somma ta’ €500,000 sabiex itejbu l-infrastruttura tal-grawnds f’Għawdex. Kull klabb u nursey f’Għawdex se jkollha faċilitajiet b’sigurtà u b’mod adegwat għat-taħriġ tagħhom. L-Onor. Refalo semma kif minn din l-inizjattiva se jkunu qegħdin igawdu wkoll id-dixxiplini tal-baseball, tar-rugby u tal-atletika peress illi dawn ser ikunu jistgħu jagħmlu użu minn dawn il-faċilitajiet għat-taħriġ tagħhom. B’hekk id-dixxiplini sportivi kollha f’Għawdex li jintlagħbu fuq barra fl-aħħar ser ikollhom dak li jixirqilhom.
L-Onor. Refalo u l-Onor. Buontempo saħqu kif huma jemmnu li l-faċilitajiet tajbin flimkien ma’ kampanja edukattiva effettiva huma l-formula sabiex negħlbu l-problema tal-obeżità. Huma ħabbru kif il-Gozo Football Association se tkun qed tiġi megħjuna b’diversi modi fosthom bir-riżorsi umani li tant għandha bżonn sabiex tkun tista topera b’mod tajjeb u effettiv.
Dan l-investiment huwa primarjament immirat kemm sabiex joffri l-aħjar faċilitajiet lil dawk illi diġà jipprattikaw l-isport iżda anke sabiex iħajjar aktar tfal u żgħażagħ jidħlu fid-dinja tal-isport.
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en