Left arrow Go Back

IS-SOĊJETÀ FILARMONIKA LEONE TIBBENEFIKA MILL-FOND TA’ KO-FINANZJAMENT TAL-GVERN

pr140021
Date Icon 08/01/2014

Il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili, Dott. Helena Dalli, ippreżentat is-somma ta’ €15,000 lis-Soċjetà Filarmonika Leone tar-Rabat, Għawdex.

Il-fondi ngħataw mill-Fond ta’ Ko-finanzjament li jitmexxa mill-Gvern u li huwa intenzjonat biex jgħin lill-NGOs u lill-Kunsilli Lokali jaċċessaw aħjar opportunitajiet ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea.

Meta entità tapplika għal fondi Ewropej din tkun obbligata li toħroġ persentaġġ mill-ispejjeż tal-proġett. Diversi entitajiet ma jkollhomx ir-riżorsi finanzjarji neċessarji biex jagħmlu dan.  Għaldaqstant ikollhom problema biex jaċċessaw il-fondi Ewropej. Għalhekk il-fond tal-Gvern jgħin lil dawn l-entitajiet f’dan l-impenn finanzjarju li jkollhom.

Għal din is-sena l-Gvern alloka €185,000 għal dan il-fond biex ikunu utilizzati mill-NGOs.  Dan apparti allokazzjoni oħra għall-istess għan għall-Kunsilli Lokali.

Is-Soċjetà Filarmonika Leone qed tirċievi għajnuna finanzjarja għal żewġ proġetti tagħha: għajnuna ta’ €15,000 mill-Gvern għall-proġett li jinkludi installazzjoni ta’ lift, sistema ġdida ta’ dawl għat-Teatru Aurora, u software ġdid għall-qtugħ tal-biljetti online; u għajnuna oħra ta’ €15,000 mill-Gvern għall-proġett ta’ installazzjoni ta’ panelli fotovoltajċi fuq il-bini tagħha.

Waqt id-diskors tagħha, il-Ministru Dalli qalet li l-fondi tal-UE għandhom rwol importanti fl-iżvilupp tal-ħidma tal-NGOs. Hija qalet li l-gvern qed jalloka fondi nazzjonali lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li qed jippruvaw jimmassimizzaw l-opportunitajiet ta' finanzjament mill-UE.

Dott. Dalli qalet li l-Gvern japprezza ħafna d-determinazzjoni u d-dedikazzjoni tal-persuni li jwettqu xogħol volontarju biex jogħla l-livell tal-prodott artistiku u kulturali.

Hi qalet li s-Soċjetà Filarmonika Leone hija xhieda ħajja ta’ dan. 

Dott. Dalli ħeġġet lill-NGOs biex dejjem ikunu professjonali fix-xogħol li jagħmlu, ankè jekk dan ikun qed isir b’mod volontarju.

Hi qalet li x-xogħol kulturali li jittella’ fit-Teatru Aurora jikkontribwixxi biex jitjieb il-prodott turistiku fil-gżira t’Għawdex.  Għalhekk, qalet Dott. Dalli is-Soċjetà Leone għandha rwol ekonomiku wkoll, mhux biss rwol soċjali u kulturali.

Hi fakkret kif il-bibien tal-Ministeru tagħha huma dejjem miftuħin għall-għaqdiet volontarji.  Hi semmiet ukoll il-MEUSAC fejn l-NGOs u l-Kunsilli Lokali jingħataw għajnuna u pariri tekniċi dwar kif jistgħu jaċċessaw programmi ta’ fondi tal-UE.

Preżenti għal din iċ-ċeremonja kien hemm il-Ministru għal Għawdex Dott. Anton Refalo, u s-Segretarju Parlamentari għall-Presidenza Ewropea 2017 u Fondi Ewropej, Dott. Ian Borg.

Il-Ministru Anton Refalo wera s-sodisfazzjon tiegħu għal dawn il-fondi li ħa jkunu qegħdin jintużaw mit-Teatru Aurora għall-proġetti tagħhom.  Dott. Refalo semma kif dawn il-fondi ħa jkunu qegħdin isaħħu l-kontribuzzjoni li jagħti dan it-teatru kemm fil-qasam kulturali intern, kif ukoll f’dak internazzjonali.

Il-Ministru Refalo qal li bis-saħħa ta’ dawn il-fondi, diversi attivitajiet kulturali u artistiċi bejn entitajiet varji ħa jkunu nkoraġġati filwaqt li jibqa’ jitrawwem it-turiżmu kulturali lejn Għawdex.

Is-Segretarju Parlamentari Ian Borg tkellem dwar il-ħtieġa li niggwidaw aktar lill-benefiċċjarji lejn diversi programmi ta’ finanzjament Ewropej skont l-intervent tal-proġett.  Huwa spjega kif Malta, matul il-programm finanzjarju li għadu kemm ġie magħluq, iffukat il-ħidma tagħha fuq il-Fondi Strutturali.  Dan huwa tajjeb u jeħtieġ li nsostnu din it-tip ta’ ħidma.

Madankollu, Dott. Borg kompla jgħid ukoll kif fil-futur għandna nħarsu lejn aktar programmi ta’ finanzjament ta’ NGOs.  Bħala eżempju semma l-programm Leader.  L-għan ta’ dan il-programm huwa li jgħin fl-iżvilupp tal-lokalitajiet li jinsabu f’żoni rurali madwar Malta u Għawdex.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA   Imtella’ s-Seminar Annwali tal-Infermiera tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità biex tkompli titjieb il-kwalità tal-kura mogħtija lill-anzjani

PR262039

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

PR262038en

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

More Press Releases Right arrow