STQARRIJA MAĦRUĠA MILL-GVERN TA’ MALTA
Il-Gvern jiddispjaċih jinnota li l-Oppożizzjoni se tibqa’ għaddejja bl-attitudni negattiva tagħha dwar il-Programm ta' Ċittadinanza b'Investiment.
Il-Gvern diġa' wera li kien lest li jieqaf u jiddiskuti, u fil-fatt saru bidliet sostanzjali f'dan il-Programm. Dawn il-bidliet ġew proposti minn korpi kostitwiti bħal Kamra tal-Kummerċ kif ukoll miċ-Chairman tal-Malta Financial Services Authority. Sabu wkoll l-appoġġ ta' Finance Malta u organiżazzjonijiet oħra.
Madankollu, l-Oppożizzjoni qed tagħżel li tibqa’ negattiva anki wara li qalet li ftit kien hemm li qed jifred liż-żewġ naħat fit-taħdidiet li kienu qed isiru. In-negattivita' tal-Oppożizzjoni ma tinftiehemx anki minħabba li minn kummenti pubbliċi li saru llum jirriżulta li l-Kap tal-Oppożizzjoni qed jaċċetta l-prinċipju tal-Programm iżda xorta ma jridux jaħdem.
Minn x'hiex qed tibża l-Oppożizzjoni?
L-Oppozizzjoni qed tibża li l-Programm ikollu suċċess b'potenzjal ta' biljun ewro li jiġu investiti fil-pajjiż u jwassal biex jogħla l-livell tal-pajjiż b'mod konsiderevoli, u miljuni oħra li jidħlu direttament fl-ekonomija?
Il-Gvern ifakkar f'uħud mill-bidliet ewlenin li ġew proposti mill-korpi kostitwiti u li qabel magħhom filwaqt li l-Oppożizzjoni baqgħet twebbes rasha li ma tilħaqx kompromess:
- L-investiment minimu issa se jkun €1.150 miljun għal kull applikazzjoni;
- €650,000 se jkunu Kontribuzzjoni Nazzjonali, li 70 fil-mija minnha se jmorru għal Fond Nazzjonali għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali;
- Il-Fond Nazzjonali għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali se jitmexxa fuq l-istess livell tal-Bank Ċentrali u se jinvesti fi proġetti speċifici bħal edukazzjoni, riċerka, innovazzjoni, saħħa, ħolqien ta' xogħol, strategija Jobs+ u promozzjoni ta' postijiet tax-xogħol aħjar;
- L-applikant ikun irid jixtri residenza ta' valur minimu ta' €350,000 jew kirja ta' €16,000 fis-sena, b'obbligu kuntrattwali li jżommha għal mill-inqas 5 snin;
- L-applikant se jkollu jinvesti €150,000 fi strumenti finanzjarji approvati mill-Gvern Malti, b'obbligu kuntrattwali li jżommhom għal mill-inqas 5 snin;
- Il-programm se jkun limitat għal 1,800 applikant ewlieni, u l-programm jingħalaq kif jintlaħaq dan l-ammont;
- Tneħħiet is-segretezza;
- Żdied id-due diligence, b'livell ġdid ekwivalenti għal dak li jsir mill-MFSA;
- L-operaturi Maltin approvati se jkunu jistgħu japplikaw direttament għal klijenti tagħhom bl-interface tkun Identita' Malta.
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en