WASAL IŻ-ŻMIEN LI NINKORAĠĠIXXU STAKEHOLDERS ĠODDA FIL-QASAM TAL-PARKS – Il- MINISTRU LEO BRINCAT
Wasal iż-żmien li nibdew naħsbu biex ninkoraġġixxu stakeholders ġodda fil-qasam tal-Parks ġewwa pajjiżna. Dan għandu jsir b'mod miftuħ u trasparenti.
Dan qalu l-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima, Leo Brincat, waqt żjara lill-ħaddiema tad-Direttorat tal-Parks, Afforestazzjoni, Restawr tal-Kampanja u Inizzjativi, ġewwa Ta' Qali.
Kompla biex qal li ilha tinħass il-ħtieġa li nibdew inkattru siġar u xitel minn zrieragħ ta’ siġar li nsibu fostna, f’pajjiżna, bl-għan prinċipali jkun li siġar imkattra minn zrieragħ lokali aktar jaddattaw ruħhom għal-klima tagħna u b’hekk jikbru aktar f’saħħithom, waqt li fl-istess ħin, tibda titnaqqas il-ħtieġa li nibqgħu nimpurtaw siġar simili minn barra.
Għaldaqstant, kompla il-Ministru Brincat, inbeda xogħol ta’ espansjoni fil-mixtla li hija mmexxija mill-ħaddiema fi hdan id-Direttorat f’Ta’ Qali. Din l-espansjoni ma kinitx tikkonsisti biss fit-tkabbir tas-sit, li minn 330 metru kwadru tkabbar għal total ta’ 760 metru kwadru - li jfisser aktar mid-doppju - iżda ġew miżjuda faċilitajiet li ser tirrendi l-mixtla l-ġdida aktar effiċjenti, moderna u sostenibbli.
Filwaqt li radd ħajr lill-ħaddiema kollha għall-impenn li wrew matul din is-sena li waslet biex tintemm, il-Ministru Brincat qal li d-Direttorat mhux biss ta sehem sħiħ fit-tmexxija tal-Parks inkluż dak Nazzjonali ta' Ta' Qali iżda kien strumentali permezz tas-sehem tiegħu ex-uffiċċju fil-Management Unit il-ġdid li waqqaf l-Gvern għat-tmexxija tal-Family Park. Dan wassal biex ħafna xogħol li kien ilu pendenti jsir b'mod ikkordinat u programmat, tant li fil-jiem li ġejjin il-Family Park - anki bl-għajnuna ta' Periti tal-WasteServ – jista’ jkun iċċertifikat mill-Kummissjoni Nazzjonali għal-Persuni b'Diżabbilita' (KNPD) għall-ewwel darba bħala wieħed 'safe' għall-użu minn nies bi bżonnijiet speċjali.
Il-Ministru Brincat qal li x-xogħol tad-Direttorat tal-Parks fil-qasam edukattiv kien wieħed impressjonanti kemm permezz ta' awareness campaigns fl-iskejjel kif ukoll billi wassal biex jinbnew compost bins, tiżriegħ ta' siġar indiġeni u anki bini ta' greenhouses fl-istess skejjel - ħafna drabi id f'id mal-EKO SKOLA.
Il-Ministru qal li l-istess kif sallum d- Direttorat tal-Parks kien miftuħ għall-ideat u inizjattivi ġodda mit-tfal tal-iskejjel, il-Gvern lest jilqa’ suġġerimenti dwar kif dan d-Direttorat jista’ saħansitra jiddiversifika l-ħidma tiegħu, dejjem fil-limiti tar-riżorsi finanzjarji li għandu.
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en