Left arrow Go Back

Messaġġ tal-Eċċellenza Tiegħu Dott. George Abela, President tar-Repubblika ta’ Malta għall-Milied u s-Sena l-Ġdida

pr2884
Date Icon 24/12/2013

Ħuti Maltin u Għawdxin,



Din hi l-aħħar darba li se jkolli dan il-privileġġ li naqsam magħkom dan il-ferħ li jġib miegħu l-Milied u s-Sena l-ġdida. Mhuwiex biss ferħ spiritwali iżda ferħ kollu kemm hu uman : il-ferħ li qed tgħix ġo familja u trabbi lil uliedek b’għożża waqt li tarahom jikbru; il-ferħ li tara l-ħidma tiegħek fuq il-post tax-xogħol tħalli l-frott; il-ferħ li erġajt irbaħt saħħtek lura; il-ferħ li tħoss li qed tirnexxi f’ħajtek; il-ferħ li tara u ssib madwarek fin-natura, fl-arti, fil-kreattività u fir-relazzjoni tiegħek ma’ bnedmin oħra; il-ferħ ta’ tama ta’ żminijiet aħjar fit-tbatija li tista’ tkun għaddej minnha bħalissa.



F’dan iż-żmien ukoll nagħtu ħarsa lura lejn is-sena li tkun waslet biex tintemm u napprezzaw dak li ksibna, filwaqt li nagħrfu fejn żbaljajna, u nħejju ruħna għas-sena li ġejja mimlijin riżoluzzjonijiet u fiduċja li jkollna sena aħjar milli kellna.



Matul din is-sena kellna l-elezzjoni ġenerali li rat bidla fit-tmexxija tal-Gvern fejn spikkat il-maturità politika kemm waqt il-Kampanja Elettorali kif ukoll waqt it-transizzjoni tal-poter. Il-Kampanja Elettorali kienet pjuttost twila u intensiva fejn id-dibattitu kien liberu, ċivili u miftuħ għal kulħadd. Tibqa’ mmarkata f’moħħi l-laqgħa unika li presedejt ftit jiem wara li tħabbar ir-riżultat elettorali bejn il-Prim Ministru l-ġdid, Dott. Joseph Muscat, u dak li kien għadu kemm spiċċa mill-kariga, Dott. Lawrence Gonzi, fejn iż-żewġ mexxejja wrew sens ta’ responsabbiltà u taw sinjal ċar lill-pajjiż ta’ kif għandu jgħaddi l-poter minn id għal oħra b’mod seren.



Nistgħu ngħidu li matul dawn l-aħħar tnax-il xahar, il-qagħda ekonomika u finanzjarja, kemm fuq livell Ewropew u globali kif ukoll fuq livell lokali baqgħet tiddomina l-aħbarijiet. Għalkemm din is-sena baqgħet ikkaratterizzata minn taqlib ekonomiku fiż-żona ewro, li aħna parti minnha, s’issa f’pajjiżna kampajna mhux ħażin u morna aħjar minn pajjiżi oħra li sa ftit ilu konna nqisuhom aħjar minna. L-ekonomija diversifikata tagħna baqgħet tesperjenza tkabbir modest u baqgħet tiġġenera l-impjiegi. Ċertu setturi tal-ekonomija tagħna, bħalma hu s-settur finanzjarju, is-settur turistiku u dak tal-manutensjoni tal-ajruplani, baqgħu b’saħħithom u wieħed jawgura li jkomplu jissaħħu. Dan ma jfissirx li nistgħu nillaxkaw għax l-għawġ għadu madwarna, anzi rridu nkomplu nistinkaw u nimxu b’għaqal, prudenza u pass meqjus fl-iżvilupp u l-konsum. Dan jgħodd kemm fuq livell ta’ gvern u kemm fuq livell ta’ ċittadini. Minflok il-kliem dejn u “defiċit” li saru komuni fil-lingwaġġ tagħna ta’ kuljum, għandna nidraw naħsbu kif infaddlu u ma nonfqux iżjed milli ndaħħlu.



Sadanittant matul din is-sena fir-reġjun tagħna baqgħet tirrenja l-instabbilità kemm fil-pajjiż ġar tagħna l-Libja u l-gwerra ċivili fis-Sirja li issa daħlet fit-tielet sena tagħha. Dan bla dubju ġab u qed iġib miegħu riperkussjonijiet mhux biss fir-reġjun iżda wkoll u xejn inqas f’pajjiżna. Meta nsemmu dawn il-pajjiżi mill-ewwel jiġi f’moħħna l-fenomenu tal-immigrazzjoni irregolari fejn matul is-sajf li għadda erġajna assistejna għal influss kbir ta’ immigranti minn dawn il-pajjiżi. Din hi r-realtà li se tibqa’ magħna għal żmien twil. Għamel sew il-Gvern tagħna li flimkien ma’ għadd ta’ pajjiżi inkluż dak Taljan u Grieg, insista mal-Unjoni Ewropea biex mill-kliem tgħaddi għall-fatti u tieħu azzjoni konkreta ħalli kemm jista’ jkun jonqsu t-traġedji fil-baħar mediterran, ċimiterju għal mijiet ta’ nies, ħafna minnhom żgħażagħ u tfal, li ma jirnexxilhomx jaslu sad-destinazzjoni li ħolmu biha meta salpaw fuq daqsxejn ta’ dgħajsa. It-traġedja ta’ dawn l-imsejkna f’Lampedusa ftit tax-xhur ilu kienet l-aħbar ewlenija fil-midja internazzjonali, traġedja mfissra tant tajjeb mill-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku bħala “għajb” għall-umanità kollha waqt iż-żjara li hu għamel fl-istess Lampedusa.



Ilkoll naqblu li pajjiżna ma jistax iġorr waħdu dan il-piż tal-immigrazzjoni irregolari dan għaliex aħna m’għandniex il-kapaċità amministrattiva biex nospitaw lil dawn in-nies kollha. Madankollu jidhirli li bħala poplu, magħruf għall-valuri sbieħ ta’ ospitalità u solidarjetà li jħaddan, għandna dejjem nuru rispett lejn id-dinjità umana ta’ dawn il-persuni msejkna u nibdew inqisuhom aktar bħala riżors u anqas bħala theddida. Irridu nifhmu aħjar illi l-integrazzjoni ta’ kulturi differenti li jġibu magħhom dawn in-nies u oħrajn li jgħixu fostna, huwa riżors li jagħmel aktar għanja l-identità tagħna għax jagħmilha poplu multikulturali.



Minbarra l-ambjent soċjali, tajjeb li nsemmu wkoll l-ambjent ġenerali f’pajjiżna. Huwa fatt li l-progress iġib miegħu prezz li ħafna drabi jidher l-aktar fin-numru dejjem jiċkien ta' spazji miftuħa. Dan isir sfida akbar meta l-pajjiż ikun wieħed ċkejken bħalma hu tagħna. Għal dan tiżdied dejjem aktar il-ħtieġa li kull deċiżjoni li tittieħed f'dan il-qasam tkun waħda iżjed sensittiva għal bilanċ sostenibbli bejn l-iżvilupp fuq naħa u l-ħarsien ambjentali fuq in-naħa l-oħra. F'dan nemmen li lkoll kemm aħna għandna sehem x'noffru, billi nkunu aktar responsabbli fil-ħwejjeg li jiddependu direttament minna, kif ukoll fl-eżempju li nagħtu liż-żgħar tagħna. Nemmen li jekk tassew irridu ġejjieni isbaħ minn dak li ngawdu llum irridu bla dubju ninvestu aktar f’edukazzjoni għal apprezzament u ko-responsabbilta’ lejn dan il-wirt komuni li jiddependi minna lkoll għal ħarsien tiegħu. Jekk verament nemmnu fil-ġid komuni, irridu nkunu responsabbli u naħsbu fil-ġenerazzjonijiet li telgħin warajna ħalli nħallulhom lil Malta aħjar mill-sibnieha aħna.





M’hemmx dubju li l-familja kienet u għandha dejjem tibqa’ fiċ-ċentru tal-attenzjoni tagħna. Dan għaliex aħna l-Maltin u l-Għawdxin minn dejjem qisna li l-familja hija l-aktar komponent qawwi u essenzjali tas-soċjetà tagħna biex tipprovdi stabbilità morali, emozzjonali u ekonomika u li hija l-aktar ambjent idoneju għat-trobbija tal-ulied. Huwa fl-interess ta’ pajjiżna li jkollna familji b’saħħithom li jipprovdu l-aħjar sigurtà għal uliedna. Il-ġenituri jibqgħu l-edukaturi ewlenin ta’ wliedhom, bir-responsabbiltà kollha li din iġġib magħha, flimkien ma’ dik tal-Istat li għandu jibqa’ jipprovdi għal edukazzjoni xierqa li tgħinhom jikbru bħala ċittadini serji u affidabbli li fuqhom jiddependi l-futur ta’ pajjiżna. It-trobbija tal-ulied hija fil-fatt it-trobbija ta’ nazzjon - daqshekk hi kbira r-responsabbiltà tal-ġenituri, tal-Istat u tas-soċjetà in ġenerali.



Sa ftit taż-żmien ilu konna ta spiss nitkellmu fuq il-ħtieġa li nsaħħu ż-żwieġ u l-familja. Dan jibqa’ l-obbligu tagħna għaliex dawn l-istituzzjonijiet jirrappreżentaw valuri li daqskemm huma tradizzjonali daqstant ieħor huma progressivi. Dawn il-valuri ma skadewx biż-żmien, ma ddeprezzawx bil-wear and tear, anzi, kif kienu minn dejjem, jibqgħu validi u relevanti fil-preżent kif ukoll għall-futur, bħal kull realtà oħra vitali u ħajja. Dan bl-ebda mod  m’għandu jimpinġi fuq id-drittijiet ċivili li huma intitolati għalihom il-minoranzi fil-pajjiż u li jridu jibqgħu jiġu mħarsa minn kull tip ta’ diskriminazzjoni hekk kif dawn id-drittijiet jibqgħu essenzjali għad-dinjità ta’ kull persuna.



Ħuti Maltin u Għawdxin,



Soċjetà b’saħħitha trid tkun mibnija fuq l-għola valuri etiċi u morali. Soċjetà tevolvi politikament, soċjalment u kulturalment, madankollu l-valuri fundamentali tal-onestà, l-integrità, is-solidarjetà, il-bżulija, l-għaqda u l-ġustizzja soċjali għandhom jibqgħu s-sisien tagħha. Fil-fatt il-ġustizzja soċjali, biex insemmi waħda minnhom  ma tistax isseħħ jekk ma jkunx hemm tqassim ġust tal-ġid jew jekk, skont il-mezzi tagħna, ma ngħinux dawk l-aktar li jinsabu fil-bżonn – il-familji f’risku ta’ faqar, il-persuni bi bżonnijiet speċjali u dawk li qed ifittxu x-xogħol. Il-ħidma tagħna għandha dejjem tkun immirata biex jitkattar il-ġid komuni ħalli l-komunità kollha kemm hi timxi ’l quddiem fil-progress. 



F’dawn il-ġranet jispikkaw aktar mill-bqija tas-sena il-valuri tal-volontarjat u tas-solidarjetà. Marti Margaret u jien kellna dan l-unur kbir tul din il-presidenza li nesperjenzaw mill-viċin mijiet ta’ voluntiera li taw b’tant ġenerożità u dedikazzjoni ħinhom u l-ħiliet tagħhom f’kull attività ta’ benefiċenza li organizzajna b’risq il-persuni fil-bżonn u l-morda. Ta’ dan kollu, f’din l-aħħar okkażjoni tagħna, nixtiequ nirringrazzjawhom -  u lilkom - il-poplu Malti u Għawdxi kollu li tant tajtuna appoġġ u sostenn. Din kienet esperjenza f’ħajjitna li mhu se ninsewha qatt u li lilna mlietna b’tant sodisfazzjon u ferħ, dak il-ferħ li f’dawn il-festi tal-aħħar tas-sena jitnisslu fina u fikom.



Minn qalbna nawgurawlkom l-isbaħ xewqat u l-festi t-tajba.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA   Imtella’ s-Seminar Annwali tal-Infermiera tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità biex tkompli titjieb il-kwalità tal-kura mogħtija lill-anzjani

PR262039

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

PR262038en

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

More Press Releases Right arrow