Left arrow Go Back

L-INTERVENT TAL-GVERN SALVA L-IMPJIEGI TAL-ĦADDIEMA TAL-ARRIVA

pr2878
Date Icon 23/12/2013

Il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura l-Onor. Joe Mizzi ddikjara illi kieku ma kienx għall-intervent f’waqtu mill-Gvern, il-kumpanija Arriva kienet se tillikwida u l-ħaddiema setgħu jispiċċaw mingħajr impjieg mil-lum għal għada. Il-Gvern se jassigura li jibqa’ jħares l-impjiegi ta’ dawn il-ħaddiema.

Il-Ministru qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet li ssejħet b’urġenza biex il-Gvern jikkonferma rapporti li l-kumpanija Arriva se twaqqaf l-operat tagħha f’Malta.

Il-Ministru Joe Mizzi spjega li fil-ġimgħat li għaddew, pajjiżna kien qed jirriskja li jispiċċa mingħajr servizz ta’ trasport pubbliku. Qal li assolutament ma kienet ix-xewqa ta’ ħadd li naslu f’pożizzjoni fejn l-Arriva tiddikjara li se tillikwida, kif kellha kull dritt li tagħmel u twaqqaf ħabta u sabta l-operat tagħha f’Malta. Huwa spjega li l-kumpanija setgħet tiddeċiedi li tippakkja u titlaq mil-lum għal għada bil-konsegwenza li pajjiżna jispiċċa mingħajr trasport pubbliku u mingħajr karozzi tal-linja. 

Qal li f’dawn l-aħħar xhur, il-Gvern kien għaddej b’negozjati mal-kumpanija biex jintlaħaq ftehim tajjeb għal kulħadd. 

“Is-sitwazzjoni li sibna kienet li l-Gvern kien qed joħroġ is-sussidju għal servizz li ma kienx qed jilħaq l-aspettattivi, il-kumpanija kienet qed tagħmel telf kbir u l-aktar punt importanti, il-pubbliku ma kienx moqdi, sitwazzjoni li minnha ma kien qed igawdi ħadd,” spjega l-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura.

Huwa fakkar kif mill-Gvern preċedenti, sentejn ilu, il-poplu Malti kien imwiegħed rivoluzzjoni, iżda minflok ingħata konfużjoni. Wieħed mill-protagonisti tas-sitwazzjoni qal li qiegħed Zimbabwe, l-ieħor ħa pożizzjoni ta’ “no comment” u l-agħar huwa li l-poplu għadu jbati sal-lum.

Il-Ministru qal li l-Gvern, iffaċċjat minn sitwazzjoni diżastruża fis-servizz tat-trasport pubbliku, kellu jieħu azzjoni konkreta biex jirranġa t-trasport pubbliku u għalhekk, daħal f’negozjati intensivi mal-Arriva bl-iskop li jintlaħaq qbil fuq pjan ta’ titjib fis-servizz u fir-rotot, inkluż it-tneħħija ta’ bendy buses minn rotot fejn kienu qed joħolqu konġestjoni. 

Iżda l-problemi tal-kumpanija kienu ħafna agħar minn dak li l-Gvern kien qed jipprevedi. Il-kumpanija kienet ilha titlef il-flus u għalhekk, intlaħaq ftehim biex l-Arriva tinħall mill-operat tat-trasport pubbliku filwaqt li l-Gvern beda jippjana biex ikollu pjan tranżitorju sakemm jinstab operatur ieħor.

Mill-1 ta’ Jannar il-Gvern, permezz ta’ kumpanija tiegħu, se jkun qed jopera s-servizz tat-trasport pubbliku permezz tal-karozzi tal-linja tal-Arriva. It-tranżizzjoni għandha tkun mingħajr skossi.

Il-Ministru Joe Mizzi qal li l-Gvern irid li l-operat jitjieb u biex jitjieb l-operat, ma jistgħux jonqsu nies. Mill-1 ta’ Jannar, tim minn Transport Malta u Arriva se jieħdu ħsieb imexxu l-perjodu tranżitorju biex is-servizz ikun jista’ jibqa’ għaddej b’mod normali.

Waqt dan il-perjodu, il-Gvern se joħroġ sejħa għal espressjoni ta’ interess biex tintgħażel kumpanija li tkun tista’ tibda l-operat ta’ trasport pubbliku f’pajjiżna.

Il-Ministru qal li l-Gvern mhux se jwiegħed l-ilma jiżfen iżda se jaħdem fuq servizz tat-trasport pubbliku li jaqdi lin-nies, rotot li jagħmlu sens u li jkunu effiċjenti u li tiddaħħal dixxiplina fil-ħinijiet.

“Jien appell wieħed għandi – Appell lil kulħadd biex jifhem li din mhijiex sitwazzjoni faċli – għandna bżonn il-kollaborazzjoni ta’ kulħadd – tal-unjins, tal-ħaddiema, ta’ Transport Malta, tal-Gvern u fl-aħħar mill-aħħar tal-poplu, għax il-poplu jixraqlu aħjar,” temm jgħid il-Ministru Joe Mizzi.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA   Imtella’ s-Seminar Annwali tal-Infermiera tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità biex tkompli titjieb il-kwalità tal-kura mogħtija lill-anzjani

PR262039

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

PR262038en

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

More Press Releases Right arrow