STQARRIJA MAĦRUĠA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-ĠUSTIZZJA
Is-Segretarju Parlamentari għall-Ġustizzja jemmen li l-kundanna li għandu l-poplu għall-aġir tal-Maġistrat Carol Peralta hija sinifikanti ħafna, għaliex il-poplu jippretendi bir-raġun l-aqwa livell ta’ aġir u komportament mill-Ġudikatura.
Issa li l-każ tressaq immedjatament mill-Gvern quddiem il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja għall-investigazzjoni tagħha, il-poplu qed jistenna eżitu ta’ dan il-każ b’mod spedit.
Il-Gvern ilbieraħ aġixxa mill-ewwel sabiex jesprimi l-kundanna bla riżervi tiegħu għall-aġir tal-Maġistrat Peralta li mhux biss organizza party b’mod xejn dinjituż f’awla ta’ Qorti, iżda saħansitra ordna arrest illegali u abbużiv ta’ ġurnalist. Il-party ġie organizzat mingħajr il-permess tad-Direttur Ġenerali tal-Qorti u mhu veru xejn li f’din il-leġislatura ġew organizzati parties oħra f’xi awla oħra tal-Qorti. Din hija gidba sfaċċata.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Ġustizzja jispjega illi lbieraħ waranofsinhar, wara li kien ordna lid-Direttur tal-Qorti (Sezzjoni tal-Kriminali) biex jivverifika personalment il-fatti li kienu waslulu, huwa rċieva telefonata mingħand il-Maġistrat Peralta. F’taħdita telefonika, is-Segretarju Parlamentari wera d-diżapprovazzjoni assoluta tiegħu b’mod mill-iktar ċar u kategoriku dwar l-ordni ta’ arrest manifestament illegali u abbużiv li ħareġ l-istess Maġistrat fil-konfront ta’ membru tal-media.
Sfortunatament il-Maġistrat assolutament ma riedx jifhem li dak li kien qed jagħmel kien ħażin u baqa’ jippersisti fl-aġir li wassal għall-kundanna tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en