IL-PRIM MINISTRU JIDDISKUTI T-TEMI EWLENIN TAL-LAQGĦA TAL-KUNSILL EWROPEW MAL-CORE GROUP TAL-MEUSAC
Il-Prim Ministru Joseph Muscat illum żamm l-impenn tiegħu li jiltaqa’ mal-membri tal-Core Group tal-MEUSAC qabel kull summit formali tal-Kunsill Ewropew biex b’hekk il-Gvern ikun qed jisma’ l-veduti tas-soċjetà ċivili qabel ma jieħu pożizzjoni dwar it-temi li jkunu fuq l-aġenda tal-Kunsill. It-temi ewlenin fuq l-aġenda tal-Kunsill Ewropew li se jiltaqa’ għada l-Ħamis u l-Ġimgħa huma l-politika komuni Ewropea dwar is-sigurtà, l-unjoni ekonomika u monetarja, il-politika ekonomika u soċjali, ir-rapport tat-Task Force dwar il-Mediterran u l-Enerġija
Fl-introduzzjoni tagħha għal-laqgħa tal-lum, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili, Dott. Helena Dalli qalet li l-preżenza tal-Prim Ministru għal-laqgħa tal-Core Group tal-MEUSAC turi l-impenn tal-Gvern li jisma’ lill-imsieħba soċjali u lir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili qabel jittieħdu d-deċiżjonijiet fil-fora Ewropej.
Dott. Dalli qalet li fil-Kunsill Ewropew li se jitlaqqa’ din il-ġimgħa, se jkunu diskussi fost l-oħrajn il-Politika Soċjali u Ekonomika, l-Unjoni Ekonomika u Monetarja, il-Politika Komuni tas-Sigurtà u d-Difiża, it-tkabbir tal-Unjoni Ewropea, l-enerġija u l-migrazzjoni.
Dwar il-politika soċjali u ekonomika Ewropea, il-Ministru Dalli qalet li l-prijorità prinċipali tal-UE hi li tindirizza l-kriżi ekonomika u li l-UE terġa’ lura fuq it-triq lejn irkupru, mogħni b’impjiegi u tkabbir sostenibbli.
Dott. Dalli qalet li meta nitrattaw l-iżvilupp u l-ekonomija ma nistgħux ninsew l-aspett soċjali. Hawnhekk għandna nibqgħu nagħtu prijorità lill-qgħad fost iż-żgħażagħ u lill-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali u l-faqar, kif ukoll lix-xjuħija attiva u s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet. Dan biex insaħħu l-garanzija ta’ ħarsien soċjali adegwat.
Dwar l-Unjoni Ekonomika u Monetarja, Dott. Dalli qalet li din tirrappreżenta pass ewlieni fl-integrazzjoni tal-ekonomiji tal-UE. L-Unjoni Ekonomika u Monetarja toffri opportunitajiet għal stabbiltà ekonomika, aktar tkabbir u aktar impjiegi. Il-Kunsill Ewropew se jkun qed janalizza s-sitwazzjoni ekonomika fl-Istati Membri u fiż-Żona Ewro. Se jkun qed isir xogħol ukoll fuq it-tisħiħ tal-kordinazzjoni tal-politika ekonomika.
Il-Ministru Dalli qalet li l-Kunsill Ewropew se jkollu wkoll diskussjoni tematika dwar il-Politika Komuni tas-Sigurtà u d-Difiża, dwar it-tkabbir tal-Unjoni Ewropea, l-enerġija u l-isfida tal-migrazzjoni fl-Ewropa.
Dott. Dalli qalet li l-impenn tal-Gvern huwa li dawk kollha li jipparteċipaw fil-laqgħat tal-Core Group tal-MEUSAC iħossu li verament qed jikkontribwixxu sabiex titfassal flimkien il-pożizzjoni tal-Gvern Malti fil-Kunsill Ewropew, fl-aħjar interess ta’ pajjiżna.
Fl-intervent tiegħu, il-Prim Ministru, Joseph Muscat, tkellem dwar dawn it-temi filwaqt li identifika bħala l-iktar suġġetti importanti l-immigrazzjoni u l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal impenn kuntrattwali għal dawk li bħalissa huma rakkomandazzjonijiet speċifiċi fil-qasam ekonomiku indirizzati lil kull Stat Membru tal-UE.
Wara d-diskors tal-Prim Ministru, diversi membri qajmu numru ta’ punti. Issemmiet l-importanza ta’ laqgħat bħal dawn fejn il-Gvern jiddiskuti mal-imsieħba soċjali u mas-soċjetà ċivili dwar suġġetti attwali fl-Unjoni Ewropea. Diversi membri semmew il-kwistjoni tal-immigrazzjoni filwaqt li oħrajn irreferew għall-sforzi li jridu jsiru favur tkabbir ekonomiku u l-ħolqien ta’ xogħol sostenibbli. Punti oħra li tqajmu mill-membri kienu jikkonċernaw l-importanza tal-istabilità fil-Mediterran għat-turiżmu, l-importanza li l-Istati Membri jibqgħu sovrani fil-qasam tat-tassazzjoni, l-investimenti f’ċentri tar-Riċerka u l-Innovazzjoni għall-intrapriżi żgħar u l-istatus ta’ Għawdex bħala gżira reġjun.
Fir-reazzjoni tiegħu għal dawn il-kummenti, il-Prim Ministru Joseph Muscat irrijafferma l-pożizzjoni ta’ Malta li l-Istati Membri jibqgħu jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom fil-qasam tat-tassazzjoni. Hu tkellem ukoll dwar il-probabiltà li jkun hemm diskussjonijiet fil-futur dwar tibdil fl-istrutturi tal-UE u kif dan il-proċess jista’ jippreżenta opportunitajiet għal pajjiżna. Hu enfasizza li kwalunkwe tibdil fit-trattati tal-UE jeħtieġ il-qbil tal-Istati Membri kollha.
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en