TRANSPORT MALTA SSIR SPONSOR EWLIENI TAL-UNIVERSITY OF MALTA RACING
Il-Ministru Mizzi jippreżenta l-isponsorship lill-istudenti waqt żjara fil-‘workshop’ tal-proġett
Il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura l-Onor Joe Mizzi żar il-‘workshop’ tal-Fakulta tal-Inġinerija fl-Universita ta’ Malta, fejn studenti minn diversi fakultajiet iddisinjaw u qed jibnu karozza tat-tlielaq, li fis-Sajf tas-sena d-dieħla se jieħdu sehem biha f’tellieqa kontra universitajiet barranin.
Il-Ministru Joe Mizzi, flimkien maċ-Ċermen ta’ Transport Malta s-Sur James Piscopo, ippreżentaw ċekk ta’ €3,500 lil dawn l-istudenti, biex Transport Malta ssir waħda mill-‘isponsors’ ewlenin ta’ dan il-proġett.
Il-Ministru Joe Mizzi esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-istedina li saritlu mill-istudenti biex jara b’għajnejh il-frott tal-ħidma tagħhom.
“Qed nieħu gost għaliex dawn iż-żgħażagħ irnexxielhom joħolqu rabta bejn l-istudji tagħhom u l-passjoni li għandhom għall-isport tal-karozzi, ħaġa li fil-ħajja ta’ student, ċertament mhux waħda faċli,” qal il-Ministru. “Mhux hekk biss imma ħolqu proġett ambizzjuż li bih se jesperjenzaw l-aspetti kollha involuti ta’ dan il-proġett, bħal ma hija l-inġinerija, kummerċ, liġi u IT.”
Il-Ministru qal li permezz ta’ din l-inizjattiva, dawn l-istudenti qed ikunu esposti għal dawk l-aspetti li dalwaqt se jsibu meta joħorġu mill-Universita u jidħlu fid-dinja tax-xogħol.
Permezz ta’ dan il-proġett, l-istudenti jesperjenzaw ukoll kif jaħdmu bħala tim, il-bżonn ta’ ppjanar, apparti dawk l-aspetti oħra relatati mal-kostruzzjoni tal-karozza.
Fi tmiem il-laqgħa tiegħu mal-istudenti, il-Ministru appellalhom biex f’dan iż-żmien ta’ festi, joqogħdu attenti u fakkarhom li s-sewqan u l-alkoħol ma jmorrux flimkien.
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en