FTEHIM TA’ KOOPERAZZJONI BEJN MALTA U Ċ-ĊINA DWAR IS-SETTURI TAL-AGRIKULTURA U L-AKWAKULTURA
Is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Roderick Galdes, żar iċ-Ċina flimkien ma’ delegazzjoni fejn ġie diskuss il-kummerċ bejn iż-żewġ pajjiżi fosthom dwar prodotti agrikoli primarji kif ukoll dawk artiġjanali Maltin. Dawn id-diskussjonijiet saru flimkien mal-Ministeri tal-Agrikultura Ċiniż u ma’ tal-Kummerċ f’Beijing. Id-delegazzjoni kienet akkumpanjata mill-Ambaxxatur għal Malta fiċ-Ċina, Dr Clifford Borg Marks.
L-Onor Galdes iddiskuta fid-dettal mal-Viċi Ministru tal-Agrikultura Ċiniż dwar is-settur tal-majjali, il-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa, l-inbid kif ukoll il-kummerċ tat-tonn. Tul id-diskussjonijiet Galdes tkellem dwar il-ġenwinita’ li joffri l-prodott Malti kif ukoll il-livell ta’ kwalita’ li dawn iħaddnu. Ġie msemmi wkoll l-avvanz teknoloġiku fis-settur tal-akwakultura, settur li fih iċ-Ċina wriet interess biex tikkollabora u tinvesti. Ġie miftiehem li jitwaqqaf working group bejn iż-żewġ pajjiżi bil-għan li jimplimenta il ftehim ta’ kollaborazzjoni fis-setturi msemmija.
Fil-laqgħat li saru irriżulta wkoll li għad hemm preżenti projbizzjoni fuq il-prodotti tal-majjal ta’ Malta li kienet ilha fis seħħ mill-1978, żmien li fih kienet faqqet il-marda tal-African swine fever. Grazzi għat-taħdidiet bejn iż-żewġ pajjiżi, il-Gvern Ċiniż aċċetta li jibda proċeduri biex din il-projbizzjoni titneħħa fil-ġimgħat li ġejjin. Għandhom jiġu mfassla protokolli ta’ ftehim biex produtturi Maltin ikunu jistgħu jesportaw lejn iċ-Ċina.
Saru wkoll laqgħat ma’ importaturi Ċiniżi li wrew interess fil-prodotti Maltin.
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en