PROĠETT ĠDID GĦAL TNAQQIS FIT-TRAFFIKU N-NAĦA T’ISFEL TA’ MALTA
Il-Gvern iżomm mal-wiegħda li jagħti prijorità lill-problema tat-traffiku
Il-Gvern żamm mal-wiegħda elettorali tiegħu, li fl-ewwel ftit xhur fl-amministrazzjoni, jagħti prijorità lill-problema tat-traffiku f’pajjiżna u dan meta llum tħabbar li tressqet l-applikazzjoni quddiem il-MEPA għal proġett li se jsir fil-Marsa.
Dan il-proġett se jinkludi żoni pedonali u passaġġi għar-roti b’tul ta’ iżjed minn 1,200 metru. B’hekk, dawk li jkunu ġejjin mill-inħawi ta’ Raħal Ġdid, se jkollhom aċċess dirett u bla periklu għall-faċilitajiet sportivi fil-Marsa. Il-proġett jinkludi wkoll Park and Ride, li se toħloq iżjed minn 250 spazju għal parkeġġ. B’kollox, il-proġett ikopri 89,000 metru kwadru, bl-ispazji ddedikati għal landscaping, passaġġi pedonali, passaġġi għar-roti u parkeġġ jammontaw għal 45% tal-proġett kollu.
Dettalji dwar il-proġett ingħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura l-Onor. Joe Mizzi, li qal li kull min jgħaddi spiss min-naħa t’isfel ta’ Malta, bla dubju huwa konxju tal-problema kbira ta’ traffiku li teżisti f’dawn l-inħawi u kien għalhekk li fil-programm elettorali tiegħu, il-Gvern wiegħed li fi ftit xhur, jagħti prijorità lil din il-problema.
Il-Ministru Joe Mizzi għamel referenza għal laqgħa li hu, flimkien maċ-Ċermen ta’ Transport Malta, is-Sur James Piscopo kellhom riċentament mal-koordinatur tat-Ten-T u eks-President tal-UE, Pat Cox, fejn issemma l-bżonn li pajjiżna jikseb fondi Ewropej speċifikament biex tinstab soluzzjoni għall-immaniġġjar tat-traffiku. Fil-fatt, fil-ġranet li għaddew, Pat Cox irrijafferma x-xewqa tiegħu li jiġi Malta.
Il-Ministru qal li għaldaqstant, il-Gvern, permezz ta’ Transport Malta, beda bl-ewwel pass biex jibni mill-ġdid il-junction ta’ ħdejn iċ-Ċimiterju tal-Addolorata. Il-proġett jinkludi infrastruttura b’livelli differenti, biex la jkun hemm traffic lights u lanqas roundabouts.
“Qed iħarsu lejn dan il-proġett bħala pjan ta’ riġenerazzjoni, żied jgħid il-Ministru.” Din iż-żona kienet oriġinarjament żviluppata bħala żona industrijali li maż-żmien spiċċat b’toroq arterjali għaddejjin minn ġo fiha. Wara konsultazzjoni mal-Malta Industrial Parks ġie deċiż li l-proġett jinkludi ir-rilokazzjoni ta’ żewġ fabbriki biex ikun hemm l-ispazju meħtieġ. Se jiġi żgurat ukoll li ma jkunx hemm impatt negattiv fuq in-naħa taċ-ċimiterju tal-Addolorata.
Huwa stmat li l-proġett kollu jiswa mat-€80 miljun. Il-Ministru temm jgħid li Transport Malta bħalissa qed tipprepara l-istudji meħtieġa sabiex tkun tista’ tagħmel l-applikazzjoni tagħha għal fondi Ewropej.
Triq Diċembru 13 tinfetaħ għat-traffiku
Il-Ministru Joe Mizzi ħabbar ukoll li għada l-Ġimgħa, se tinfetaħ Triq Diċembru 13 – direzzjoni lejn il-Belt Valletta, li f’dawn l-aħħar xhur sar xogħol estensiv fiha u issa tinsab asfaltata, u kompluta bi dwal LEDs, sinjali tat-traffiku u crash barriers.
Huwa qal li l-parti li qed tintuża bħalissa se tingħalaq temporanjament sakemm jitlestew l-aħħar xogħlijiet żgħar li baqa’ fiha, iżda dejjem jekk it-temp jippermetti u ma jinqalgħux intoppi li ma jkunx hemm kontroll fuqhom, din tinfetaħ mill-ġdid fil-ġranet li ġejjin, biex b’hekk, iż-żewġ toroq, minn u lejn il-Belt, ikunu miftuħin għat-traffiku dalwaqt.
Bħalissa għadu għaddej xogħol ta’ pavimentar, passaġġi pedonali, żebgħa ta’ sinjali tat-traffiku u diskussjonijiet ma’ entitajiet involuti bħall-Enemalta biex tipprovdi elettriku fil-ġibjuni ta’ Bilocca u Spencer Gardens u diskussjonijiet mal-kuntrattur dwar xogħol ta’ irrigazzjoni u tħawwil ta’ siġar u pjanti.
Ix-xogħol li jkun baqa’ minn wara Jannar jinkludi l-asfalt tal-underpass minn Diċembru 13 għar-roundabout tal-Menqa, it-tlestija tas-sinjali fl-art, il-finishes fuq il-ħitan tal-mina u sistemi ta’ dwal fiha, sistemi ta’ irrigazzjoni, tħawwil ta’ siġar, railings u crash barriers. Il-proġett kollu mistenni jkun komplut sa Marzu li ġej.
Għall-konferenza tal-aħbarijiet, kien preżenti ċ-Ċermen ta’ Transport Malta, James Piscopo.
pr2791a.pdf
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en