Left arrow Go Back

IMNIEDI KUMITAT NAZZJONALI DWAR IŻ-ŻONI TURISTIĊI LI SE JKUN PRESEDUT MILL-PERIT JOE CASSAR

pr2789
Date Icon 11/12/2013

Il-Ministru għat-Turiżmu Karmenu Vella jgħid li din hija xhieda tal-importanza li l-Gvern qed jagħti lis-settur turistiku

F’konferenza tal-aħbarijiet f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, il-Ministeru għat-Turiżmu nieda Kumitat Nazzjonali dwar iż-Żoni Turistici bil-għan li jindirizza problemi li ilhom jippersistu f’bosta lokalitajiet frekwentati mit-turisti.

Il-kumitat li se jkun presedut mill-Perit Joe Cassar se jassigura li jkun hemm iż-żamma, il-manutenzjoni, l-infurzar kif ukoll titjib ta’ akwati pubbliċi li jaqgħu f’żoni turistiċi, fl-istess ħin li jikkordina wkoll xogħlijiet li jkun hemm bżonn isiru fiż-żona.

F’kelmtejn ta’ introduzzjoni, il-Ministru għat-Turiżmu l-Onor. Karmenu Vella fisser kif din it-tnedija ta’ dan il-kumitat nazzjonali qed issir b’konformità ma’ dak li kien imwiegħed fil-manifest elettorali. Aktar minn hekk, hija xhieda tal-importanza li l-gvern qed jagħti lis-settur tat-turiżmu.

L-Onor. Karmenu Vella saħaq li t-turiżmu ma jitkejjilx biss bis-suċċess tan-numru ta’ turisti, iżda lill hinn minn hekk, wieħed irid dejjem iżomm quddiem għajnejh il-kwalità tal-prodott li joffri, li jrid ikun dejjem aġġornat u f’livell tajjeb.

Fi kliem il-Ministru Vella, it-titjib fiż-żoni turistiċi se jservi ta’ benefiċċju mhux biss għat-turisti li jżuru pajjiżna imma wkoll għall-poplu Malti. Semma’ kif għal dan il-għan, Malta se tkun maqsuma fi tliet żoni turistiċi filwaqt li Għawdex mistenni jkun ikkunsidrat b’mod separat.

Iż-żona turistika tat-Tramuntana li se tkun tkopri l-lokalitajiet ta’ Bugibba, il-Qawra, San Pawl il-Baħar u l-Mellieħa filwaqt li dik Ċentrali se tkun tkopri Paceville, San Giljan u Tas-Sliema.

Iż-żona turistika tan-Nofsinhar se tkun tkopri Wied il-Għajn, Marsaxlokk, Birżebbuġa u Wied iż-Żurrieq li jagħmel parti mil-lokalità tal-Qrendi filwaqt li Għawdex mistenni jkun ikkunsidrat b’mod separat minħabba materji loġistiċi.

Fejn jidħlu l-bliet storiċi Maltin partikolarmanet il-Belt Valletta, il-Kottonera u l-Imdina, is-Sur Micallef fisser kif dawn diġà għandhom il-kumitati ta’ rijabilitazzjoni flimkien mal-kumitat tal-V.18 u għaldaqstant, ma kienx hemm bzonn li jinħolqu kumitati ġodda. Madanakollu, fid-dawl tal-ammont ta’ turisti li dawn il-bliet storiċi jospitaw, xorta se jingħataw l-assistenza meħtieġa.

Tħabbar ukoll kif fil-ġranet li gejjin mistenni jitwaqqaf kumitat għal kull żona turistika li se jkun immexxi minn manager appuntat mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu sabiex jiffaċilita aktar il-ħidma li tkun proposta u diskussa mill-istess kumitat. Kull kumitat se jkun mistenni jifformula pjan t’azzjoni mifrux fuq tliet snin li jidentifika dawk l-oqsma li għandhom bżonn jiġu indirizzati.

Fi preżentazzjoni li saret mill-Viċi Chairman tal-Kumitat Nazzjonali s-Sur George Micallef, kien spjegat kif dan il-kumitat mistenni jkun kompost minn tliet rapprezentanti mill-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura, flimkien ma’ rappreżentanti mis-Segretarjat Parlamentari għall-Kultura u Gvern Lokali, mill-Awtorità Maltija għat-Turizmu, mill-Korp tal-Pulizija, mill-Mepa, flimkien ma’ rappreżentanti mill-kumitati għaż-żoni turistiċi li jkunu jinkludu rappreżentanti mill-Kunsilli Lokali rispettivi li jaqgħu fiż-żona.

Saħaq kif wara l-ewwel sena tal-operat ta’ dan il-kumitat, għandu jsir rapport t’evalwazzjoni li jidentifika kwalunkwe bidliet li jkun hemm bżonn isiru fil-format u funzjonijiet tiegħu u tal-kumitati taż-żoni turistiċi sew fuq fl-immedjat kif ukoll fit-tul.

Il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura l-Onor. Joe Mizzi tkellem dwar l-importanza li jkun hemm koordinament bejn l-entitajiet kollha involuti, kemm f’dak li huwa tindif u anke f’dak li huwa manutenzjoni u proġetti. Spjega kif  sa mill-ewwel ġimgħat fil-Gvern, bdiet ħidma konġunta bejn il-Ministeri biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet li jitqajmu regolarment fiz-zoni turistiċi u biex tissaħħaħ il-kollaborazzjoni mal-Kunsilli Lokali. Dan biex id-deċiżjonijiet jittieħdu fl-immedjat u b’mod regolari.

Huwa semma’ bħala eżempju t-twaqqif ta’ kumitat ta’ koordinament li huwa mmexxi minnu, li l-iskop tiegħu huwa li jiġi assigurat li kemm f’xogħlijiet fit-toroq kif ukoll fi proġetti infrastrutturali, jitfassal pjan serju minn qabel bejn l-entitajiet kollha involuti.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u Simplifikazzjoni Amministrattiva, l-Onor. Michael Farrugia spjega kif fix-xhur li għaddew is-Segretarjat Parlamentari mmexxi minnu ħadem id f’id fejn kien hemm bżonn infurzar, b’kollaborazzjoni sħiħa mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u d-Dipartiment tal-Artijiet.

Semma’ kif fil-ġranet li ġejjin se jibda t-tfassil ta’ regolamenti biex ikun hemm struttura fejn jidħlu ċerti materji fosthom regolarizzazzjoni u simplifikazzjoni tal-proċess għall-ħruġ tal-imwejjed u s-siġġijiet, il-konċessjonijiet tal-bajjiet, il-parkeġġ għall-karavans u vijabilità aħjar għal-lukandi fejn jidħol żvilupp.

F’indirizz qasir li għamel iċ-Chairman tal-Kumitat Nazzjonali għaż-Żoni Turistiċi l-Perit Joe Cassar fisser il-formazzjoni ta’ dan il-kumitat bħala pass ieħor lejn id-direzzjoni meħuda minn gvernijiet passati biex jitjieb il-prodott turistiku Malti.

Preżenti għall-konferenza tal-ahbarijiet attendew ukoll il-Kummissarju tal-Pulizija Peter Paul Zammit, iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia, il-Kap Eżekuttiv Josef Formosa Gauci, is-Sur Michael Cohen f’isem is-Segretarjat Parlamentari għall-Kultura u Gvern Lokali, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Turiżmu l-Onor. Robert Arrigo u ċ-Chairman tal-Kumitat għan-Nofsinhar ta’ Malta l-Onor. Silvio Parnis.

Attendew ukoll iċ-Chairpersons tal-Kumitati ta’ Rijabilitazzjoni tal-Imdina, il-Belt Valletta u l-Kottonera flimkien ma’ bosta Sindki u Segretarji Eżekuttivi tal-lokalitajiet li jaqgħu fiż-żoni turistiċi msemmija.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA   Imtella’ s-Seminar Annwali tal-Infermiera tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità biex tkompli titjieb il-kwalità tal-kura mogħtija lill-anzjani

PR262039

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

PR262038en

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

More Press Releases Right arrow