AKTAR PERSUNI B’DIŻABILITÀ PROFONDA JGAWDU MILL-PROGRAMM STAR 25
Eżerċizzju kkummissjonat mis-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva f’nofs is-sena wassal biex jirdoppjaw l-għadd ta’ persuni b’diżabilità profonda li qegħdin jibbenefikaw minn terapija ħolistika mogħtija mill-Fondazzjoni Inspire bħala parti mill-Programm Star 25.
Dan ħabbru l-Onor. Franco Mercieca meta dalgħodu żar il-Fondazzjoni Inspire f’Marsacala fejn segwa mill-qrib sessjoni ta’ terapija li qegħdin jingħataw għaxar persuni b’diżabilità profonda li l-età tagħhom tvarja bejn l-20 u s-26 sena.
It-terapija mogħtija lil dawn iż-żgħażagħ minn għadd ta’ professjonisti tikkonsisti f’fiżjoterapija, occupational therapy, għajnuna fid-diskors u l-pronunzja, terapija bi żwiemel u diversi terapiji oħrajn.
L-Onor. Franco Mercieca spjega li l-Programm ‘Star 25’ beda jitħaddem f’Ġunju li għadda wara li l-Aġenzija Sapport ikkuntrattat lill-Fondazzjoni Inspire biex toffri dawn is-servizzi. Huwa spjega li bl-istess ammont li kien allokat mill-Gvern preċedenti għal ħames persuni b’diżabilità profonda, dan il-Gvern irnexxielu jilħaq ftehim mal-Fondazzjoni Inspire biex bl-istess ammont allokat jibbenefikaw għaxar persuni.
Dr Mercieca spjega li l-Gvern preċedenti kien diġà kkommetta s-somma ta’ €344,000 mill-vot ‘Għajxien Indipendenti fil-Komunità’ għall-2013 u ħalla biss allokazzjoni ta’ €36,000 għal persuni b’diżabilità b’dipendenza għolja ħafna għal bqija tal-għaxar xhur tas-sena fiskali.
Dr Mercieca spjega li fost il-benefiċċjarji kien hemm ħamsa speċifiċi li kellhom jiġu pprovduti s-servizz mill-1 ta’ Jannar 2013. Qal li l-programm kien se jiġi jiswa total ta’ €181,000 jew is-somma ta’ €36,200 kull sena għal kull individwu. Fl-istess waqt qal li kien hemm numru ta’ applikazzjonijiet oħrajn li kienu qegħdin jistennew fil-kju għal madwar sentejn u nofs u li baqgħu mingħajr finanzjament.
Biex jassigura li qegħdin nieħdu l-aqwa valur għall-flus, l-Onor. Franco Mercieca qal li l-Gvern ħa d-deċiżjoni li janalizza l-fondi pubbliċi li kienu qed jintefqu fuq dawn il-ħames individwi u dan bla ma jintmess is-servizz jew jiġu mittiefsa l-benefiċċji li kienu mwegħda.
Dr Mercieca qal li l-analiżi li saret uriet li biex il-ġenituri ta’ dawn it-tfal iħossuhom sodisfatti kien hemm il-bżonn ta’ użu regolari ta’ multisensory room, użu ta’ laboratorju tal-kompjuter b’tekonoloġija avvanzata, użu ta’ jacuzzi u possibbilment pixxina, żona għal eżerċizzju fiżiku u servizzi regolari ta’ fiżjoterapija u komunikazzjoni u occupational therapists.
Is-Segretarju Parlamentari qal li l-uniku post fejn dan is-servizz ħolistiku seta’ jiġi offrut kien fil-Marsascala Therapeutic Centre li huwa operat mill-entità mhux governattiva Inspire u li qiegħda diġà toffri lill-Gvern programmi speċjalizzati għal persuni b’diżabilità intellettwali.
Dr Mercieca temm jgħid li l-ftehim milħuq bejn l-Aġenzija Sapport u l-Fondazzjoni Inspire fil-bidu ta’ Ġunju li għadda kien ifisser it-tnedija ta’ programm ta’ kwalità għal 10 persuni b’diżabilità profonda għall-istess prezz hekk kif ibbaġġitjat għal ħames persuni biss mill-amministrazzjoni preċedenti.
“Issa li bdejna b’għaxar persuni u fejn esperjenzajna l-kwalità tas-servizz offrut, l-għan tagħna huwa li nkomplu nespandu dan is-servizz ladarba jkollna aktar fondi għad-dispożizzjoni tagħna. Aħna ninsabu determinati li nkomplu noffru dan is-servizz lil aktar persuni b’diżabilità, serja kemm hi serja d-diżabilità tagħhom għax nemmnu li kulħadd għandu d-dritt għal kwalità ta’ ħajja tajba u b’opportunità li jiżviluppa l-ħiliet tiegħu,” temm jgħid l-Onor. Franco Mercieca.
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en