Malta trid li l-bidliet fil-liġijiet li jipproteġu d-data tal-individwi jagħmluha iktar faċli għaċ-ċittadini li jieħdu d-drittijiet tagħhom
Is-Segretarju Parlamentari għall-Ġustizzja Dr Owen Bonnici sostna li fid-dibattitu kollu dwar kif jistgħu jitjiebu l-għodod kontra min jikser il-protezzjoni tad-data personali, wieħed irid iżomm l-ewwel u qabel kollox l-interess taċ-ċittadin u l-faċilita’ li jfittex id-drittijiet tiegħu.
Dan kien il-messaġġ tal-pożizzjoni Maltija li twasslet minn Dr Bonnici f’laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li komplew jiddiskutu l-proposta għal regolament ġdid dwar id-data protection.
Id-data personali hija l-informazzjoni relatata ma’ l-individwu u tista’ tvarja minn isem, ritratt, email address, dettalji tal-bank jew l-IP address ta’ kompjuter. L-artiklu 8 tal-Karta Ewropea tad-drittijiet tal-bniedem tipprovdi li kulħadd għandu dritt għall-protezzjoni tad-data personali fl-aspetti kollha tal-ħajja. Dan id-dritt jinsab ukoll fit-Trattat li jistabilixxi l-Unjoni Ewropea.
L-Unjoni Ewropea fl-1995 għandha direttiva 95/46/EC dwar il-protezzjoni ta’ l-individwi fejn jidħol l-ipproċessar tad-data u l-moviment ta’ din id-data u hu meħtieġ li din tiġi aġġornata minħabba l-avvanzi teknoloġiċi li sehhew fl-aħħar snin.
Ħafna stati membri, inkluż Malta, qablu mal-prinċipju li f’każijiet li jolqtu kumpaniji li huma miftuħin fi stat membru jew stati membri differenti minn ta’dak li sofra l-ksur tad-drittijiet tiegħu għandna mmorru għal proċess simplifikat ta’ one stop shop. Madanakollu Malta sostniet li wieħed irid jaċċerta ruħu li ċ-ċittadin ikun jista’ b’mod effettiv jitlob rimedju u jingħata dan ir-rimedju u għalhekk talbet għal iktar xogħol fuq livell tekniku
Il-futur tal-qasam tal-ġustizzja
Matul il-Kunsill tal-Ministri tal-Ġustizzja ġie diskuss ukoll il-futur tal-ħidma ta’ l-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-Ġustizzja fejn diversi pajjiżi, inkluż Malta, sostnew il-ħtieġa ta’ iktar taħriġ għall-ġudikatura, iktar servizzi ta’ l-informatika u iktar drittijiet liċ-ċittadini li jaħbtu mal-qasam tal-ġustizzja.
Dr Bonnici sostna li wara li l-Unjoni rnexxielha tottjeni ħafna fil-qasam leġislattiv, wasal ukoll iż-żmien biex wieħed jevalwa ix-xogħol li sar biex dak li jsir ikollu valur miżjud.
Dwar il-Justice Scoreboard għas-sena d-dieħla , Dr Bonnici saħaq li huwa mportanti li ma jkunx hemm duplikazzjoni ta’ proċessi li diġa’ jeżistu fi ħdan il-Kunsill ta’ l-Ewropa u saħaq ukoll li d-data u l-informazzjoni miġbura għandhom ikunu verament komparabbli bejn Stat u Stat ieħor.
Prosekutur Pubbliku Ewropew (EPPO)
Il-Ministri ddiskutew ukoll il-proposta tal-Kummissjoni ta’ Prosekutur Pubbliku Ewropew, partikolarment wara l-“karta s-safra” li urew 14-il Parlament Nazzjonali fl-aħħar ta’ Ottubru li għadda.
Malta sostniet li waqt li hemm qbil unanimu favur it-twaqqif ta’ Prosekutur Pubbliku Ewropew biex jissalvagwardja l-interessi finanzjarji ta’ l-Unjoni Ewropea, ikun iktar għaqli li l-Kummissjoni tistudja tibdil fil-proposta tagħha bil-għan li tirrendi l-proposta oriġinali iktar aċċettabbli għall-Parlamenti u l-Gvernijiet Nazzjonali.
Footage: http://tvnewsroom.consilium.europa.eu/event/justice-and-home-affairs-council
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en