40 SPIŻJAR, 10 PHARMACY TECHNICIANS U 9 PERSUNI KWALIFIKATI JINGĦATAW IL-LIĊENZJA U Ċ-ĊERTIFIKAT TA’ REĠISTRAZZJONI
F’ċerimonja li saret il-bieraħ filgħaxija fil-Ministeru għas-Saħħa, 40 spiżjar, 10 Pharmacy Technicians u 9 persuni kwalifikati ngħataw il-Liċenzja u ċ-Ċertifikat ta’ Registrazzjoni mill-Ministru għas-Saħħa, Dr. Godfrey Farrugia.
Il-Ministru għas-Saħħa ta merħba lill-membri ġodda tal-professjoni farmaċewtika u qalilhom li huma deħlin jiffurmaw parti minn professjoni bi storja antika li dejjem kellha rwol importanti għall-qasam tal-kura tas-saħħa u li wkoll għadha wieħed mill-pilastri ewlenin f’dan il-qasam.
Dr. Farrugia qal li tradizzjonalment, il-professjoni farmaċewtika kienet tinkorpora lill-iSpiżjara u l-Pharmacy Technicians biss, imma llum din tinkorpora wkoll lill-Persuni Kwalifikati.
Qal li r-rwol l-aktar tradizzjonali tal-professjoni farmaċewtika huwa dak li joffri kontribut dirett lill-komunità bħala managing pharmacist, bħala Spiżjar jew Pharmacy Technician fil-komunità kif ukoll fl-isptar.
Kompla jgħid li ħafna drabi l-professjoni farmaċewtika tkun l-ewwel punt ta’ kuntatt għal diversi pazjenti u għalhekk wieħed irid japprezza x-xogħol importanti ta’ din il-professjoni.
Il-Ministru għas-Saħħa qal li llum din il-professjoni evolviet u nsibuha taqdi funzjoni importanti ħafna fis-servizzi tas-saħħa offruti mill-gvern kemm bħala professjoni fl-isptarijiet kif ukoll fil-qasam regolatorju u fl-oqsma kollha li jiffurmaw il-qasam tas-saħħa. Illum membri ta’ din il-professjoni għandhom ukoll rwol importanti fl-industrija farmaċewtika li kull ma jmur qed tikber, kif ukoll fl-importazzjoni tal-mediċini.
Dr. Farrugia stqarr li din il-professjoni qed taffaċċja sfidi ġodda. Semma l-White Paper li għadha kemm ġiet ippublikata “Ensuring Your Right to Entitlement Medicines at the Time You Require Them”, kif ukoll sfidi oħra fir-riċerka u l-iżvilupp u oħrajn fil-qasam regolatorju. Din il-professjoni qed tiffaċċja wkoll sfidi oħra, opportunitajiet u obbligi li nħolqu meta Malta saret membru tal-Unjoni Ewropea. Huwa ħeġġeġ lil dawk preżenti biex jilqgħu dawn l-isfidi u jqisu dawn bħala opportunitajiet biex wieħed jiżviluppa l-professjoni tiegħu, biex b’hekk ukoll tkun qed tiżviluppa l-professjoni b’mod ġenerali.
Il-Ministru għas-Saħħa awgura suċċess u laqa’ lill-professjonisti fi ħdan il-qasam tas-saħħa u fakkarhom li bħala professjonisti fil-kura tas-saħħa “lkoll għandna responabilità u dover lejn il-pazjent. Il-klijenti tagħna m’humiex klijenti normali imma pazjenti li qed ibatu u nies vulnerabbli. Għalhekk dawn għandhom ikunu fiċ-ċentru tal-ħidma tagħna. Mill-ġdid nifirħilkom u nawguralkom kull suċċess fil-karriera tagħkom”.
Għaċ-ċerimonja kienu preżenti l-President tal-Kunsill tal-Ispiżjara, Dr. Joseph Chetcuti u l-membri tal-Kunsill, kif ukoll Uffiċjali għolja mid-Dipartiment tas-Saħħa u membri tal-assoċjazzjoniiet professjonali tal-professjoni farmaċewtika.
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en