IR-ROĦS FIL-KONTIJIET SE JSIR BISS BIL-PJAN TA’ DAN IL-GVERN
Il-Ministeru għall-Enerġija u l-Konservazzjoni tal-Ilma jilqa’ l-fatt li l-Oppozizzjoni issa qed tammetti li r-roħs fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma kif imwiegħed minn dan il-Gvern qabel l-elezzjoni ġenerali huwa possibli, u mhux gimmick kif dejjem qal il-Partit Nazzjonalista. Iżda l-Gvern ma jistax jifhem kif issa l-Oppożizzjoni qed titlob il-grazzi tal-poplu għat-traħħis fil-kontijiet li tħabbar fil-baġit u li se jitwettaq għall-familji minn Marzu li ġej.
Il-konferenza tal-aħbarijiet li indirizza l-Partit Nazzjonalista llum tikkonferma kemm m’għandux politika serja fil-qasam tal-enerġija. Wara snin tgħid li r-roħs fil-kontijiet m’huwiex possibli, l-Oppożizzjoni issa tgħid li l-kontijiet se jorħsu għaliex il-Partit Nazzjonalista bena power station li taħdem bil-heavy fuel oil u l-Enemalta qed tiffranka l-flus.
Iżda fir-realtà l-flus li qed isemmi l-Partit Nazzjonalista m’humiex biżżejjed biex jagħmlu tajjeb għar-roħs fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Bil-politika tal-Partit Nazzjonalista, l-Enemalta għamlet 840 miljun Ewro dejn u kienet se tibqa’ titlef il-flus. Għalhekk il-pjan tal-Partit Nazzjonalista kien li jgħolli t-tariffi bi tletin fil-mija, u mhux li jorħsu.
Huwa grazzi għall-proġett tal-gass li dan il-Gvern se jkun qed jiffranka 187 miljun Ewro fis-sena li 77 miljun minnhom se jmorru fil-bwiet tal-familji u n-negozji Maltin fuq medda ta’ sentejn.
Dan it-traħħis se jinqasam f’żewg stadji, l-ewwel ir-roħs għall-familji, u t-tieni stadju, ir-roħs għan-negozji. Sakemm jinbena l-impjant fl-ewwel stadju ir-roħs se jigi ffinanzjat mit-tletin miljun Ewro li se joħroġhom il-konsorzju magħżul.
Permezz tal-miżura ewlenija ta’ roħs fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma fil-Baġit, il-Gvern se jkun bil-fatti qed juri kemm verament iwettaq dak li jwiegħed biex Malta tkun aktar b’saħħitha u aktar ġusta.
Other Press Releases:
PR262035
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Il-Gver...
PR262034