IL-MAĠĠORANZA TAL-FAMILJI SE JGAWDU MINN ROĦS TA’ 30%
Il-Gvern qiegħed jimplimenta dak li wiegħed u se jraħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma b’medja ta’ 25% u 5% rispettivament minn Marzu tas-sena d-dieħla. Din hija miżura ewlenija tal-Budget 2014 li se tgħin lill-familji jimxu ‘l quddiem u jħarsu lejn futur aħjar. Dan sostnieh il-Ministru għall-Enerġija u Konservazzjoni tal-Ilma, l-Onor. Konrad Mizzi meta kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Malta aktar b’saħħitha, Malta aktar ġusta’, fejn spejga il-politika tal-Gvern dwar l-enerġija u l-miżuri dwar l-enerġija fil-Budget 2014.
Il-Ministru Konrad Mizzi spjega kif f’Marzu li għadda l-poplu vvota għall-bidla u l-Budget li għadu kif tħabbar jindirizza l-aspirazzjonijiet tal-familji. Il-Ministru Konrad Mizzi sostna li dan il-gvern jifhem li l-familji jridu jtejjbu l-livell tal-għixien tagħhom.
Il-Ministru Konrad Mizzi semma kif prijorità ewlenija tal-Budget hija r-roħs fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Il-Ministru Mizzi spjega kif se jsir dan ir-roħs skond il-konsum tal-enerġija. Qal li l-maġġoranza assoluta tal-familji Maltin u Għawdxin se jkunu qed jibbenefikaw minn roħs medju ta’ 30%. Dan ir-roħs b’mod globali se jħalli aktar minn €25 miljun fi bwiet il-familji Maltin u Għawdxin.
Dr Mizzi qal li dan il-gvern se jirnexxilu jpoġġi lil Enemalta fuq sisien sodi filwaqt li jraħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma. B’dan il-mod se tinżamm l-istabilità meħtieġa fil-ġenerazzjoni tal-elettriku. Biex jilħaq dan il-għan il-Gvern ingħaqad mal-privat biex jagħti lill-poplu proġett għall-ġenerazzjoni tal-elettriku mill-gass naturali. Dan ifisser li l-familji se jgawdu minn roħs fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma permezz ta’ investiment mill-privat u mhux billi ikun affetwat il-budget tal-Gvern. “Din il-policy qed twassal biex aħna ma nnaqru xejn mill-finanzi pubbliċi, anzi qed inraħħsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma fl-istess waqt li nassiguraw li l-gvern ikompli jinvesti f’oqsma importanti bħall-edukazzjoni u l-impjiegi,” sostna l-Ministru Mizzi.
Il-Ministru Konrad Mizzi spjega kif dan il-gvern beda jindirizza b’mod immedjat is-sitwazzjoni finanzjarja ħazina tal-Enemalta hekk kif il-gvern preċedenti ħalliha b’dejn ta’ €840 miljun. “M’aħniex lesti nħallu l-Enemalta tegħreq. Minflok irridu nsalvaw l-Enemalta. Wrietna Enemalta li kienet qed titlef €70 miljun fis-sena mill-elettriku u li kieku tela’ il-Partit Nazzjonalista fil-gvern it-tariffi tal-elettriku kienu jogħlew bi 30% skond rapport li kkumissjonaw huma stess. B’differenza aħna se nagħtu cash injection fl-Enemalta miċ-China Power Investments u Shanghai Electric Power. B’dan il-mod inkomplu nsaħħu l-pożizzjoni finanzjarja tal-kumpanija u nissalvagwardjaw l-impjiegi tal-ħaddiema filwaqt li noħolqu opportunitajiet ġodda,” sostna l-Ministru Mizzi.
Il-Ministru għall-Enerġija u l-Konservazzjoni tal-Ilma tkellem dwar prijoritajiet oħra tal-Gvern fosthom stabilità fil-prezzijiet tal-enerġija. Semma’ wkoll inċentivi għas-settur tal-enerġija alternattiva, inkluż ukoll proġetti pilota li għandhom jgħinu biex pajjiżna jibda jiġġenera l-enerġija b’mod nadif.
Dwar ARMS Limited, il-Ministru Konrad Mizzi qal li għaddej xogħol biex l-ARMS ittejjeb l-effiċjenza tagħha. Fosthom semma kif minn sitwazzjoni ta’ 44,000 smart meter li kienu jaħdmu seba’ xhur ilu, illum hemm 110,000 smart meter. “L-impenn tagħna huwa li niftħu żewġ uffiċċji reġjonali tal-ARMS matul is-sena d-dieħla biex verament noffru servizz aħjar lill-poplu kollu,” ħabbar il-Ministru Mizzi.
Dwar il-konservazzjoni tal-ilma nbeda proċess biex jitfassal pjan nazzjonali dwar l-ilma bil-parteċipazzjoni tal-istakeholders ewlenin. Fl-istess ħin giet introdotta skema għall-manutenzjoni u restawr ta’ bjar eżistenti filwaqt li se jkunu restawrati u mmaniġjati b’mod effettiv il-faċiltiajiet eżistenti għall-ħażna tal-ilma.
“Din hija l-politika tagħna. Roadmap għas-snin li ġejjin biex nassiguraw l-aħjar servizz għall-familji tagħna. Din hija politika li se tgħin biex dan il-gvern jassigura li jagħti lill-poplu Malta aktar b’saħħitha, aktar ġusta,” temm jgħid il-Ministru Konrad Mizzi.
Other Press Releases:
PR262035
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Il-Gver...
PR262034
pr2460_slide.jpg