IL-MINISTRU DR. ANTON REFALO JĦABBAR INIZJATTIVA LI SE TAGĦTI SPINTA LIL GĦAWDEX F’ASPETTI DIVERSI - FREE TO GOZO TRAVEL WEEKEND
Il-Ministru għal Għawdex Dr. Anton Refalo tard wara nofsinhar ħabbar id-dettalji dwar il-‘Free to Gozo Weekend Travel’ li se jsir bejn il-15 u s-17 ta’ Novembru li ġej. It-traġitt bla ħlas se jibda mill-Ġimgħa fis-7.15pm u jibqa’ jgħodd sat-Tnejn 18 ta’ Novembru fis-1.30pm.
Dan il-weekend huwa mmirat li jgħin lill-ekonomija Għawdxija anke matul l-istaġun mhux daqstant popolari fejn dawk il-passiġġieri kollha li se jkunu qed jaqsmu bejn Malta u Ghawdex, saħansitra anke bil-vetturi mhux kummerċjali, se jkunu qed jagħmlu dan bla ħlas. Din hija inizjattiva’ ġdida li qed issir għall-ewwel darba. Il-Ministru għal Għawdex sostna li din hija waħda mill-inizjattivi ġodda li se jkun qed jagħmel il-Ministeru għal Għawdex bħala parti mill-ideat ġodda biex joħloq aktar kummerċ fil-gżira Għawdxija u fl-istess ħin jiġi ppromovut dak kollu li huwa Għawdxi. Tant hu hekk li f’din l-attivita’ se jkun hemm bosta attivitajiet f’kull qasam saħansitra dawk sportivi fejn se jitilgħu timijiet tal-Premier Malti, kulturali fejn se jkun hemm anke kantanti bħal Ira Losco u danza professjonali u anke kummerċ bi prezzijiet aħjar minn ħwienet diversi.
Preżenti għal din il-konferenza kien hemm ukoll mistiedna d-Direttur għat-Turizmu u Żvilupp Ekonomiku kif ukoll Chairman tal-Kumitat Organizattiv tal-Free Weekend Travel to Gozo, ic-Chairman Gozo Channel, il-President tal-Gozo Football Association, il-President u CEO tal-Gozo Tourism Association, il-President u CEO tal-Gozo Business Chamber, rapprezentant tal- Athletics Gozo, rapprezentant tal-Uffiċċju tal-Kultura (Ministeru għal Għawdex) kif ukoll id-Direttorat tat-Turiżmu u Żvilupp Ekonomiku.
Il-Ministru Dr. Anton Refalo kompla jgħid ukoll li l-Ministeru qed jikkolabora biex anke attivitajiet popolari bħall-presepju popolari bl-isem ta’ ‘Betlehem f’Għajnsielem’ jerġa’ jsir bl-entużjażmu kollu li jistħoqqlu wara l-assenza tiegħu s-sena li għaddiet. Mhux biss, talli wkoll qed tingħata spinta lill-karnival Għawdxi u l-attivitajiet kulturali li jagħmlu lill-gżira Għawdxija destinazzjoni unika mhux biss għat-turist imma wkoll għall-Maltin kollha li huma l-aqwa viżitaturi fil-gżira Għawdxija. Sa’ issa diġa’ hemm domanda kbira mill-poplu għal din l-attivita’ fejn saħansitra lukandi u ‘farmhouses’ qed jirreġistraw aktar ‘bookings’ mis-soltu f’dan iż-żmien, skont il-Ministru Refalo fejn qal ukoll li dan jawgura tajjeb għal spinta pożittiva fil-qasam ekonomiku tal-gżira Għawdxija. Din hija wegħda oħra ta’ Gvern ġdid fir-rigward ta’ Għawdex
Other Press Releases:
PR262035
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Il-Gver...
PR262034