L-ONOR. CHRIS FEARNE U L-ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH JIPPARTEĊIPAW FIL-50 LAQGĦA TA' COSAC FIL-LITWANJA
L-Onor. Chris Fearne, President tal-Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet Barranin u Ewropej, u l-Onor. Francis Zammit Dimech, Membru tal-istess Kumitat, ipparteċipaw fil-50 Laqgħa ta' COSAC li nżammet f’Vilnjus, fil-Litwanja, bejn is-27 u d-29 ta' Ottubru 2013.
Il-COSAC tlaqqa' l-Presidenti u membri tal-kumitati dwar l-affarijiet Ewropej darbtejn fis-sena, darba kull Presidenza, sabiex tiddiskuti sitwazzjonijiet u suġġetti li huma ta' interess għall-parlamenti nazzjonali. Fost is-suġġetti fuq l-aġenda ta' din il-laqgħa tal-Ġublew ta' COSAC kien hemm il-prijoritajiet tal-Presidenza Litwana, ir-rwol ta' COSAC fit-tisħiħ tal-koperazzjoni interparlamentari fl-Unjoni Ewropea l-Implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea 2020, il-Leġittimità Demokratika fl-Unjoni Ewropea u r-rwol tal-parlamenti nazzjonali u l-Aġenda Diġitali.
L-Onor. Fearne intervjena dwar is-suġġett tal-implimentazzjoni tal-prijoritajiet tal-Presidenza Litwana fejn tkellem dwar il-kriżi tal-immigrazzjoni fil-Mediterran u t-telf ta’ ħajjiet umani li qed iseħħu b’mod regolari, u għamel referenza għat-Task Force dwar il-Mediterran li kien għadu kif intlaħaq qbil dwarha fil-Kunsill Ewropew. Hu ppropona erba’ miżuri li għandhom jittieħdu sabiex tkun tiġi indirizzata b’mod serju il-problema tal-immigrazzjoni: it-tisħiħ ta’ FRONTEX b’mod illi jitnaqqas il-piż ta’ dawk l-Istati Membri involuti f’missjonijiet ta’ salvataġġ; illi jiġi emendat ir-Regolament Dublin II sabiex fl-ispirtu tal-prinċipju tas-solidarjetà ikun hemm burden sharing mandatorju; għandu jkun hemm assistenza materjali u finanzjarja u tanġibbli lil dawk l-Istati Membri li jġorru l-piż tal-immigrazzjoni, u li jkun hemm impenn fit-tul mal-pajjiżi ta’ tranżitu fl-Afrika ta’ Fuq u mal-pajjiżi tas-Subsahara u tal-Lvant Nofsani. Huwa kkonkluda billi qal illi f’għajnejn Malta, l-Ewropa u l-bqija tad-dinja l-Presidenza Litwana titqies li kienet ta’ suċċess jekk jintlaħaq qbil dwar dawn il-miżuri.
Huwa tkellem ukoll dwar is-suġġett tal-Ġublew ta’ COSAC fejn tkellem dwar l-isfidi li qed taffaċċja l-Ewropa minħabba l-perċezzjoni taċ-ċittadini li l-problemi li jkunu għaddejjin minnhom fl-Istati Membri, bħal pereżempju rati ta’ qgħad għoljin u miżuri ta’ awsterità, huma riżultat ta’ politiċi Ewropej. L-Onor. Fearne qal illi biex tkun indirizzata din is-sitwazzjoni għandu jkun hemm tisħiħ tal-kontabbiltà demokratika tal-istituzzjonijiet Ewropej. Huwa għalaq billi qal illi l-politiċi għandhom l-isfida li juru liċ-ċittadini kif xogħol l-istess politiċi huwa relevanti u jista’ jinfluwenza d-deċiżjonijiet li jittieħdu fuq livell Ewropew.
L-Onor. Zammit Dimech tkellem dwar is-suġġett tal-aġenda diġitali fejn tkellem dwar ir-relevanza tal-oqsma diġitali għas-swieq bankarji u finanzjarji, bħala eżempju ta’ kif dawn it-teknoloġiji huma realtajiet ta’ kuljum taċ-ċittadini, u għaldaqstant l-Ewropa għandha tkun protagonista attiva f’dan il-qasam. Huwa qal illi laqa’ b’mod pożittiv il-kumment tas-Sur Rudolf Roy uffiċjal tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Estera, meta fid-diskors tiegħu qal illi dan ma huwiex qasam illi jista’ jkun ikkontrollat minn entità waħda u għaldaqstant id-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tal-qafas legali tas-cyberspace huma essenzjali. Dawn jistgħu jkunu mħarsa billi jkun żgurat ir-rispett tal-libertà tal-espressjoni, speċjalment meta qed tiżdied ir-rabta bejn il-media u l-qasam diġitali.
Fit-tmiem tagħha l-Konferenza adottat il-konklużjonijiet u l-kontribuzzjoni tagħha. Fuq inizjattiva tad-delegazzjoni Taljana appoġġjata mid-delegazzjoni Maltija u dawk Ċiprijotta, Griega, Portugiża, Spanjola u tal-Assemblea Nazzjonali Franċiża intlaħaq qbil unanimu fost il-parteċipanti illi fil-konklużjonijiet tal-Konferenza jidħol paragrafu ġdid li jesprimi d-dispjaċir għat-traġedja riċenti ġewwa Lampedusa u li jitlob lill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri sabiex jagħmlu minn kollox sabiex traġedji bħal dawn ma jerġgħux jirrepetu ruħhom. Id-delegazzjonijiet saħqu wkoll dwar il-bżonn li l-Istati Membri kollha, fl-ispirtu ta' solidarjetà, jerfgħu r-responsabbiltà tal-immigranti li jiġu interċettati fil-Mediterran.
Other Press Releases:
PR262035
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Il-Gver...
PR262034