L-AMBAXXATRIĊI TAL-OLANDA FLIMKIEN MA’ RAPREŻENTANT MILL-KUMPANIJA TNO JAGĦMLU ŻJARA TA’ KORTEŻIJA LILL-MINISTRU GĦAT-TURIŻMU
Waqt żjara ta’ korteżija li l-Ministru għat-Turiżmu l-Onor. Karmenu Vella kellu mingħand l-Ambaxxatriċi tal-Olanda l-E.T . Rita Dulci Rahman u Dr. E.F.M. (Emile) Elewaut, id-Direttur tar-Relazzjonijiet Internazzjonali, l-Enerġija u l-Materja Prima ta’ TNO kien diskuss fost l-oħrajn il-kunċett ta’ turiżmu sostenibbli u l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda f’dan il-qasam.
Il-Ministru għat-Turiżmu saħaq dwar l-importanza li pajjiżna jkompli jħeġġeġ lill-imprendituri fil-qasam turistiku, mhux biss lill-lukandiera iżda ukoll entitajiet oħra sabiex jaddottaw operat aktar sostenibbli.
Matul il-laqgħa ġie diskuss il-kunċett ta’ green tourism u l-possibiltà li b’aktar għajnuna din l-idea tinfirex ma’ operaturi lokali sabiex jiċċertifikaw il-prodott tagħhom u b’hekk ikunu aktar konformi ma’ standards Ewropej li kull ma jmur qiegħdin ikunu aktar imfittxa mit-turist.
Dr. Elewaut qal li r-riżultati li Malta qiegħda tikseb fit-turiżmu jistgħu jkomplu jagħtu aktar opportunità sabiex pajjiżna jiżviluppa aktar il-qasam tat-turiżmu sostenibbli u b’hekk pajjiżna ikun wieħed minn ta’ quddiem li jikseb riżultati f’dan il-qasam.
Iż-żewġ partijiet esprimew l-interess li jkun hemm skambji ta’ ideat għal aktar żvilupp.
Other Press Releases:
PR262035
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Il-Gver...
PR262034