IL-KUNĊERT ISLE OF MTV TA’ DIN IS-SENA B’ELEMENTI INNOVATTIVI TA’ CORPORATE SOCIAL RESPONSIBILITY FOSTHOM FIL-QASAM AMBJENTALI
Il-Ministru għat-Turiżmu jżur l-aħħar preparamenti
Jinsabu għaddejjin fl-aqwa tagħhom it-tħejjijiet għall-kunċert spettakolari Isle of MTV li se jkun qed jittella’ għada l-Erbgħa fuq il-fosos tal-Furjana u li għalih ta’ kull sena huwa stmat li jattendu mal-50,000 ruħ fil-maġġoranza tagħhom żgħażagħ.
Kmieni waranofsinhar il-Ministru għat-Turiżmu l-Onor. Karmenu Vella, akkumpanjat miċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Dr Gavin Gulia u mill-Kap Eżekuttiv Josef Formosa Gauci indirizza konferenza tal-aħbarijiet fuq il-palk li ntrama apposta mit-tim tal-MTV u li ta’ kull sena jisraq ix-xena għal-livell għoli ta’ teknoloġija użata fejn tidħol sistema ta’ dawl, sound u effetti.
Il-Ministru għat-Turiżmu Karmenu Vella ddeskriva dan il-kunċert bħala wieħed mistenni ħafna mhux biss mill-Maltin imma wkoll minn bosta turisti li jiġu f’pajjiżna apposta biex isegwuh. Saħaq li dan l-avveniment qed joffri lil Malta kemm opportunità ta’ co-branding bħala destinazzjoni turistika u fl-istess ħin qed jitwassal messaġġ li pajjiżna huwa b’saħħtu mhux biss fejn tidħol l-istorja u l-kultura imma wkoll mal-ġenerazzjoni żgħażugħa, fejn Malta kapaċi toffri attrazzjoni b’saħħitħa ta’ mużika.
Il-Ministru għat-Turiżmu ħabbar kif għall-ewwel darba din is-sena, sar sforz sabiex f’din l-attività hekk kbira u popolari f’pajjiżna jkunu inkorporati elementi ta’ corporate social responsibility. Fost l-oħrajn, l-iskart kollu miġbur wara dan il-kunċert u li huwa stmat li jlaħħaq it-18-il tunnellata mistenni jkun riċiklat immedjatament fl-impjant ta’ Sant Antnin.
Tkellem ukoll dwar inizjattiva għall-karità li ttieħdet din is-sena fejn id-dħul li se jinġabar mill-bejgħ ta’ pitturi u ritratti tal-MTV tas-sena li għaddiet u mill-bejgħ ta’ T-Shirts se jmur għall-YMCA.
Għall-ewwel darba wkoll, se jkun qed isir eżerċizzju b’kollaborazzjoni mal-MEPA biex ikun ikkalkulat is-CO2 footprint.
Il-Ministru għat-Turiżmu Karmenu Vella esprima l-apprezzament tiegħu lit-tmexxija tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu għall-involviment tagħha fejn tidħol loġistika għal dan il-kunċert filwaqt li awgura li din is-7 edizzjoni tal-Isle of MTV terġa’ tkun suċċess ieħor kbir għal pajjiżna.
Fil-kunċert ta’ din is-sena se jieħdu sehem il-kantanti Rita Ora, Rudimental, Jessie J u d-DJ Afrojack. L-ispettaklu li mistenni jdum 4 sigħat sħaħ se jkun qed jittella’ minn fuq palk enormi b’tul ta’ 18-il metru b’14-il metru fond u li xogħol fuqu ilu għaddej għal dawn l-aħħar jiem minn tim ta’ madwar 150 persuna mill-MTV li nġiebu Malta għal tal-apposta. Il-kunċert mistenni jkun miġbud permezz ta’ 11-il kamera tat-tip high definition biex aktar tard matul is-sena jintwera fuq l-MTV.
L-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Isle of MTV se tara wkoll il-parteċipazzjoni tal-artista lokali Kristina Casolani kif ukoll ta’ numru ta’ DJs lokali.
Other Press Releases:
PR262029
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA Fi tmiem il-ġ...
PR262028