Left arrow Go Back

PERFORMANCE AUDIT: THE MANAGEMENT OF ELECTIVE SURGERY WAITING LISTS

pr1342
Date Icon 25/06/2013

L-Awditur Ġenerali ikkonkluda li d-dewmien żejjed biex isiru operazzjonijiet iħalli impatt negattiv kemm fuq il-pazjent kif ukoll fuq l-Isptar Mater Dei (MDH).  Minħabba l proviżjonijiet tal-Cross Border Health Directive, dewmien eċċessiv jista’ fil-futur qarib iżid l-ispiża tal Gvern.  Ir-Rapport jirrikonoxxi li l-pazjenti li użaw l-Isptar kienu sodisfatti ħafna bis servizz provdut.  Iżda, ġie innutat ukoll li, minkejja ż-żieda ta’ operazzjonijiet ippjanati li saru matul dawn l-aħħar snin, madwar għoxrin fil-mija tal-pazjenti damu jistennew għall-intervent tagħhom għal aktar minn sena. 

Iż-żieda fid-domanda għall-interventi ippjanati, prinċipalment, ġejja mill-bżonnijiet ta’ popolazzjoni li qed tixjieħ, l-introduzzjoni ta’ mezzi innovattivi ta’ kif isiru l-operazzjonijiet, u minħabba l-firxa ta’ faċilitajiet ġewwa MDH.  Id-domanda għall-operazzjonijiet ġiet, sa ċertu punt, indirizzata b’żieda fin-numru ta’ interventi li saru f’MDH u billi xi interventi saru fil-privat permezz ta’ kuntratti ta’ sħubija mal-Gvern.  Madanakollu, problemi strateġiċi u loġistiċi qed jillimitaw l-Isptar milli jkompli jżid in-numru ta’ interventi.

Id-domanda mill-pazjenti għal servizzi mediċi fis-settur privat u l-pakkett remunerattiv offrut f’dan is-settur jagħmilha aktar diffiċli għall-MDH biex jinkoraġġixxi l-konsulenti u l professjonisti tas-settur biex iżidu d-disponabilità tagħhom f’dan l-Isptar.  Minbarra dan, il proċeduri tas-settur pubbliku qed itawlu l-proċess tar-reklutaġġ ta’ professjonisti tas-settur biex dawn jiġu ingaġġati mill-Isptar.

L-Isptar għadu fil-proċess li jikkompjuterizza l-lista ta’ stennija f’sistema ċentralizzata.  Dan il proġett, li beda tliet snin ilu, iffoka fuq id-Dipartimenti tal-Kardjoloġija, Oftalmoloġija, Ortopedija u Kirurġija.  Din is-sistema ċentralizzata hija prerekwiżita biex tissaħħaħ it trasparenza u l-kontroll fuq il-proċessi marbuta mal-operazzjonijiet ippjanati.  Dan il-għan ikun jista’ jintlaħaq għax tiġi trasferita r-responsabilità tal-immaniġġjar tal-listi ta’ stennija  mingħand il-konsulenti għal għand it-tmexxija tal-Isptar.  

In-nuqqas ta’ integrazzjoni bejn is-sistemi kompjuterizzati u d-dokumentazzjoni marbuta mal operazzjonijiet qiegħed ifixkel aspetti amministrattivi u maniġerjali.  Minkejja l-importanza ta’ dan, ġew sospiżi studji biex jagħrfu l-potenzjal u l-ispiża tal-Integrated Health Management System 2 (IHIS2).  Sakemm ikun hemm deċiżjoni ċara f’dan ir-rigward l-MDH mhux f’pożizzjoni li jfittex u jinvesti f’sistemi teknoloġiċi alternattivi.

F’Lulju 2012, tmintax mit-teatri “Ġenerali” u ħamsa mit-teatri tal-Endoskopija, intużaw għal 31 u 27 siegħa fil-ġimgħa rispettivament.  L-użu tat-teatri tal-operazzjonijiet, fost l-oħrajn, kien affettwat mit-turnover tas-sodod, l-aktar minħabba li 12 fil-mija tas-sodod huma okkupati minn pazjenti li qed jistennew biex jiġu trasferiti f’istituzzjonijiet oħra tas-saħħa.  Din is-sitwazzjoni tillimita sostanzjalment in-numru ta’ day surgery li jistgħu jsiru fl-Isptar.  Ineffiċjenzi rriżultaw ukoll: għaliex xi operazzjonijiet bdew tard, kien hemm dewmien bejn intervent u ieħor, xi listi ta’ interventi ma kinux maħsuba biex jużaw il-ħin kollu allokat, u xi sessjonijiet ta’ interventi spiċċaw kmieni.  In-nuqqas ta’ awtorità ċentrali li tassumi r-responsabilitajiet għall użu u loġistika tat-teatri qiegħda tirriżulta f’nuqqas ta’ kontroll fuq din l-infrastruttura essenzjali u ta’ valur ġewwa MDH.

Iż-żieda sostanzjali fin-numru ta’ operazzjonijiet kienet ġeneralment attribwita għall  identifikazzjoni ta’ xi ineffiċjenzi fil-proċessi  u l-mod ta’ kif jiġu indirizzati.   Dawn il-bidliet kontinwi wasslu  għal riżultati pożittivi.  Iżda dawn l-isforzi għandhom ikunu sostnuti bl-iżvilupp u l-implimentazzjoni  ta’ policies dwar strateġiji,  loġistika u l-potenzjal ta’ sħubija iżjed wiesgħa mal-privat.  Barra minn dan, l-integrazzjoni tas-sistemi ta’ informazzjoni fl-Isptar għandha tikkumplimenta dawn il-miżuri.  Din id-direzzjoni għandha twassal biex jissaħħaħ il-kontroll fuq il-proċessi tal-operazzjonijiet ippjanati, u tikkontribwixxi għas sostenibbiltà ta’ dan il-qasam.

Ir-Rapport jippreżenta għadd ta’ rakkomandazzjonijiet ibbażati fuq fatturi serji u kwistjonijiet identifikati waqt il-proċess ta’ verifika.

Kopja kompluta tar-Rapport ta’ verifika hija aċċessibli mis-sit elettroniku tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (http://www.nao.gov.mt), minn għada.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA   Fi tmiem il-ġimgħa se jsiru l-pagamenti tal-iskemi tal-anomaliji għall-2026

PR262029

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA Fi tmiem il-ġ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  Malta ttenni l-prinċipji soċjali tagħha favur akkomodazzjoni affordabbli, sigura u aċċessibbli għal kulħadd f'laqgħa Ewropea tal-Ministri tal-Akkomodazzjoni

PR262028

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...

More Press Releases Right arrow