IL-GVERN MALTI JISĦAQ DWAR L-IMPORTANZA TAS-SOSTINIBBILTÀ FIL-PRODUZZJONI TAL-IKEL WAQT LAQGĦA TAL-FAO F’RUMA
Is-Segretarju Parlamentari għall-Agrikoltura, Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Roderick Galdes saħaq dwar l-importanza tas-sostenibbiltà fil-produzzjoni tal-ikel, u fuq l-importanza ta’ bilanċ bejn il-kummerċ dinji, reġjonali u lokali fl-ikel, meta indirizza l-Konferenza Ġenerali tal-Għaqda Dinjija Għall-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) f’Ruma. Il-Konferenza bdiet fil-15 ta’ Ġunju u involviet ġimgħa ta’ diskussjonijiet intensivi li wasslu għal qbil dwar il-baġit u l-objettivi strateġiċi tal-FAO.
Il-Konferenza ħarset lejn il-ħtieġa li mhux biss tiżdied il-produzzjoni tal-ikel madwar id-dinja, iżda wkoll li jiġu indirizzati l-kawżi kollha tal-faqar u ġuħ f’ċertu pajjiżi f’mod aktar ko-ordinat. Il-ħames objettivi strateġiċi ġodda tal-FAO iħarsu lejn l-eradikazzjoni tal-ġuħ, it-tkabbir sostenibbli tal-biedja u s-sajd, it-tnaqqis tal-faqar rurali, sistemi ta’ produzzjoni u aċċess għall-ikel iżjed inklussivi fil-livelli lokali, reġjonali u internazzjonali, kif ukoll li l-biedja tkun tiflaħ iżjed għall-kriżijiet u theddid. Biex twettaq il-ħidma importanti tagħha, minkejja d-diffikultajiet finanzjarji ġiet maqbula żieda ta’ 2.2% fil-baġit ta’ din l-għaqda għas-sentejn li ġejjin.
Fl-intervent tiegħu fuq it-tema ċentrali tal-Konferenza li kienet ‘Sistemi tal-Ikel Sostenibbli Għas-Sigurtà tal-Ikel u n-Nutrizzjoni’, L-Onorevoli Galdes insista li llum iċ-ċittadini jridu ċ-ċertezza li l-ikel li jixtru u li jissusidjaw il-produzzjoni tiegħu ikun qed jikkontribwixxi biex isostni b’mod pożittiv l-ambjent li jgħixu fih u l-kommunitajiet rurali li jipproduċuh. Dan jinvolvi azzjoni biex nippermettu l-konsumaturi jagħżlu ikel staġjonali, kif ukoll li jkollhom indikazzjonijiet ċari dwar il-carbon footprint involuta fil-produzzjoni u trasport tiegħu sal-konsumatur finali.
Other Press Releases:
PR262029
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA Fi tmiem il-ġ...
PR262028