TKABBIR EKONOMIKU LI JILĦAQ LIL KULĦADD: GVERN LI JAĦDEM –
Iktar kmieni illum l-Onerevoli Chris Cardona, l-Onerevoli Edward Zammit Lewis u l-Onerevoli Michael Farrugia tellgħu konferenza stampa fejn spjegaw il-ħidma ewlenija tal-Gvern il-Ġdid f’dak li għandu x’jaqsam mat-Tkabbir Ekonomiku fl-ewwel mitt jum tiegħu. Ħidma iffukata u mibnija fuq l-għan illi jitkattar it-tkabbir Ekonomiku tant mixtieq għal Pajjiżna u l-Poplu tagħna. Ġew ippreżentati wkoll id-Delivery Cards li jimmarkaw punti importanti li ġew milħuqa.
L-Onor. Cardona semma l-espressjoni internazzjonali ta’ interess biex is-sit fejn kien hemm is-Shipbuilding tal-Marsa jsir Ċentru Marittimu, proġett ambizzjuz li ntlaqa’ tajjeb mill-Invesituri u li huwa kruċjali biex titwettaq il-viżjoni ta’ dan il-Gvern li jagħmel minn Malta Ċentru Marittimu ta’ Eċċelenza fil-Mediterran. Wara 20 jum mill-pubblikazzjoni tal-espressjoni, kien hemm 28 investitur li ġabru din l-espressjoni ta’ interess (ETI) u kien hemm ħafna oħrajn li kkomunikaw mal-Privitisation Unit. Kien hemm interess tajjeb ukoll għall-espressjoni ta’ interess għal-liċenzja ta’ Casino f’Malta u Casino ieħor f’Għawdex. L-Onor. Zammit Lewis ħabbar li diġà ingabbru 6 ETI għall-Casino f’Malta u 4 għal dak t’Ghawdex. Dan kollu jagħti interpretazzjoni waħda: fiduċja fl-ekonomija Maltija, fiduċja fl-amministrazzjoni l-ġdida ta’ dan il-pajjiz u fuq kollox fiduċja fin-nies ta’ dan il-pajjiz. Qed nibagħtu sinjali pożittivi tal-potenzjal li joffri pajjiżna.
Is-Segretarju Parlamentari Zammit Lewis tkellem dwar il-ħidma bejn l-pajjiz tal-Għarabja Sawdita u r-Repubblika ta’ Malta, fejn kien mexxa kumissjoni bejn iż-żewġ pajjiżi. Diġà beda jsir xogħol ta’ kooperazzjoni bejn Transport Malta, l-Università ta’ Malta u l-entitajiet rispettivi tal-Gharabja Sawdita. Qed isiru diskussjonijiet dwar il-possibilità li jitwaqqaf Business Council bejn ż-żewġ pajjiżi.
Zammit Lewis spjega li t-tniedija tal-Global Residence Programme intlaqa’ tajjeb ħafna mill-pubbliku u mill-operaturi f’din l-inudstrija. Effettivament ażjendi privati lokali tal-iżviluppaturi, tas-servizzi finanzjarji u dawk involuti fis-sensarija tal-propjetà diġà bdew jirriklamaw lil pajjiżna u dan il-programm sabiex iressqu investiment barrani lejn xtutna.
Għal dak li għandu x’jaqsam mall-Ekonomija Diġitali u l-Gaming, Zammit Lewis ħabbar li fiż-żmien li ġej il-Gvern se jressaq liġijiet inovattivi ġodda li jkomplu jattiraw l-investiment lejn Malta u jagħmlu lil pajjizna iktar kompettitiv. Se jinħares ukoll l-aspett soċjali ta’ pajjiżna billi tiġi ifformalizzata fundazzjoni apposta f’dan ir-rigward. Il-Gvern flimkien mal-MITA ħabbar is-Student Placement Programme, li bena fuq il-kunċetti tajbin tas-snin ta’ qabel u żied il-kunċett ta’ mentoring tal-istudenti.
“Dan hu Gvern li jemmen f’ekonomija diversifikata fejn jivvalorizza kull settur minn manifattura tradizzjonali għal manifattura high-end minn negozju li jħaddem mijiet ta’ nies għal negozji zgħar, inkluz il-bejjiegħa tal-Monti” saħħaq l-Onor. Cardona.
Ikompli l-Onor. Cardona, “Gvern li jagħraf il-progress li għamel pajjizna fis-setturi tas-Servizzi finanzjarji, tal-ekonomija diġitali, tal-Avjazzjoni u anke Marittimi u jikkommetti ruħu li jara dawn is-servizzi jkomplu jikbru biex tkompli tikber l-ekonomija u jiżdiedu l-opportunitajiet. Fuq dawn is-setturi rridu nkomplu nibnu ekonomija b’saħħitha u moderna li toħloq tkabbir ekonomiku li jilħaq lil kulħadd.”
Ir-rwol tal-Malta Enterprise f’dan kollu huwa imperattiv. Dan il-Gvern qed jara li din l-entità tkun strutturata aħjar u ffukata fuq ir-rwol ewlieni tagħha, dak tal-promozzjoni tal-investiment dirett barrani u lokali skont strateġiji ċara u konsistenti. Dan qed isir flimkien ma’ rwol kummerċjali aktar attiv tal-ambaxxati Maltin f’pajjizi barranin. Propju dalgħodu l-Onor. Cardona ta bidu għal Kors organizzat mill-Malta Enterprise fejn qegħdin jinfurmaw lid-diplomatiċi li se jkunu qed iservu f’diversi pajjizi biex ikunu f’posizzjoni li jħajru investituri barranin jinteressaw ruħhom mill-inizjattivi ta’ dan il-Gvern. Dan hu rwol importanti li se jkollhom id-diplomatici Maltin biex il-ħidma tagħhom tkun iffukata wkoll fuq l-ekonomija (Economic Diplomacy). Mal-Malta Enterprise il-Gvern se jara ukoll li jkun hemm titjieb fis-sistemi ta’ inċentivi għall-investiment dirett barrani biex nagħmlu minn Malta pajjiż li jkun dejjem aktar business friendly, attrajenti u kompettitiv.
L-Onor. Farrugia qal li f’mitt jum sar ħafna xogħol. “Ħdimna ħafna u għad fadal ħafna xi jsir. Ħejjejna l-pedamenti għal ħafna progetti bi prospetti tajbin u li se jitħabbru aktar ’il quddiem, meta jkun il-waqt. Huwa qal li il-fatt li l-Prim Ministru qed jaħdem bla heda anke lilhinn minn xtutna, għandu jservi ta’ eżempju għalina lkoll.
Michael Farrugia spjega kif meta beda il-ħidma tiegħu fis-Segretarjat Parlamentari għall-Ippjanar u s-Simplifikazzjoni Amministrattiva, sar l-ewwel tibdil fit-tariffi tal-MEPA. Liema tariffi, f’ċertu każi naqsu kważi bin-nofs. Dan sar bil-għan li jitnaqqsu l-piżijiet minn fuq kull min irid jinvesti f’daru jew fuq in-negozju tiegħu.
Filfatt, filwaqt li għadhom għaddew biss ftit iżjed minn xahrejn minn meta żew fl-effett it-tariffi l-ġodda tal-MEPA, skont is-sistema tal-informatika tal-Awtorità, l-istess Awtorità vvalidat 150 applikazzjoni iżjed meta mqabbel mal-istess perjodu fis-snin 2011 u 2012. Dan ifisser żieda ta’ aktar minn 25% mis-sena 2012.
Is-Segretarju Parlamentari Michael Farrugia qal illi filwaqt li ta’ qabilna sejħu lill-MEPA bħala ‘nightmare’ għal-kuntratturi u għall-familji, u mostru burokratiku li ħadd m’għandu kontroll fuqu, aħna qed naħdmu bis-sħiħ biex il-MEPA tkun verament riformata u taħdem b’inqas burokrazija biex jinħoloq il-ċid filwaqt li jinżamm bilanċ.
Other Press Releases:
PR262029
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA Fi tmiem il-ġ...
PR262028