IL-GVERN JIPPREŻENTA L-PROPOSTI TIEGĦU BIEX JINDIRIZZA IMPJIEGI B’KONDIZZJONIJIET PREKARJI
Waqt laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD), il-Ministru Helena Dalli nediet il-proposti tal-Gvern biex tkun indirizzata l-problema ta’ impjiegi b’kundizzjonijiet prekarji f’pajjiżna.
Il-Ministru Dalli qalet li se jkunu qed isiru sensiela ta’ laqgħat mal-imsieħba soċjali fuq din l-isfida wara li l-Gvern preżenta l-proposti tiegħu.
Dr. Dalli irreferiet għad-‘Decent Work Agenda’ tal-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol li tisħaq fuq il-punt li l-ħaddiema kollha, b’mod partikolari ħaddiema żvantaġġjati u fqar, għandhom bżonn ikunu rappreżentati, jipparteċipaw, u jkollhom liġijiet li jaħdmu fl-interessi tagħhom.
Il-Ministru Dalli qalet li l-Gvern diġà beda jmexxi bl-eżempju f’dan il-qasam. Fost l-oħrajn, hi semmiet il-fatt li l-Gvern il-ġdid beda jsaħħaħ il-funzjoni ta’ sorveljanza tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u l-Impjiegi.
Il-proposti tal-Gvern kienu ppreżentati mid-Direttur tal-istess dipartiment, Dr. Noel Vella. Dr. Vella spjega l-possibilitajiet li għandu quddiemu l-Gvern f’dan ir-rigward, fosthom li l-Gvern ikun aktar viġilanti meta jagħti tenders pubbliċi lil kumpaniji privati, kif ukoll fl-eżekuzzjoni tax-xogħol li jkun ingħata mill-Gvern.
Fost il-proposti hemm li l-Gvern ma jagħtix tenders fejn ix-xogħol ikun se jingħata b’sub-contracting lil kumpaniji terzi, u fejn ix-xogħol ikun se jsir minn ħaddiema li huma reġistrati bħala self-employed minflok ma jkunu ingaġġati bħala impjegati. Dr. Vella qal li l-Gvern qed jipproponi li l-kumpaniji li jieħdu tenders tal-Gvern ikunu rreġistraw il-ħaddiema tagħhom mal-ETC u l-ħaddiema jridu jkunu ingaġġati b’kuntratt tax-xogħol bil-miktub. Il-Gvern qed jipproponi wkoll li l-ħaddiema jridu jingħataw payslips dettaljati mad-dħul tal-pagi, kif ukoll li l-pagi jkunu depożitati f’kontijiet bankarji. Il-kumpaniji jridu wkoll iżommu l-attendenza tal-impjegati biex ikun verifikat li l-impjegati qed jaħdmu b’mod regolari.
Dr. Vella spjega kif il-Gvern qed jipproponi li jżomm id-dritt li jikkanċella tenders li ma jimxux ma’ dawn ir-regoli. Huwa qal li l-ħsieb tal-Gvern hu li jkompli jtejjeb is-sorveljanza tiegħu fuq kumpaniji li jingħataw kuntratti mill-Gvern waqt l-operat tagħhom, kif ukoll li jibda jivverifika d-dikjarazzjonijiet bankarji tal-kumpaniji f’dak li jikkonċerna depożiti ta’ pagi tal-ħaddiema.
Dr. Vella qal li l-Gvern huwa impenjat li jikkjarifika u jaġġorna l-liġi eżistenti f’dan ir-rigward, kif ukoll iħejji kampanji edukattivi biex tinħoloq aktar kuxjenza pubblika dwar dan.
Other Press Releases:
PR262029
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA Fi tmiem il-ġ...
PR262028