Left arrow Go Back

“IL-KUNSILLI LOKALI GĦANDHOM SEHEM QAWWI U AKBAR X’JAGĦTU FIL-QASAM TAL-IMMANIĠĠJAR TAL-ISKART. INĦEĠĠU LIĊ-ĊITTADINI JAGĦTU SEHEMHOM .” IL-MINISTRU LEO BRINCAT U S-SEGRETARJU PARLAMENTARI JOSE’ HERRERA

pr1306
Date Icon 21/06/2013

Meta lbieraħ l-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u Tibdil fil-Klima Leo Brincat kien qiegħed jindirizza l-ewwel edizzjoni tal-Awards tal-Kunsilli Lokali organizzata mill-GreenPak huwa qal li kull Kunsill Lokali, hu x’inhu d-daqs tiegħu, għandu sehem qawwi u akbar x’jagħti fil-qasam tal-immaniġġjar tal-iskart.

Qal li dan diġà ddiskutih mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali u fil-ġejjieni qrib se jkollu wkoll diskussjonijiet fit-tul mas-Segretarju Parlamentari għall-Kultura u Gvern Lokali Jose’ Herrera. Wieħed iżda ma jridx jieqaf hawn u hemm bżonn ukoll diskussjonijiet kollettivi mal-Kunsilli Lokali nfushom dwar kif jistgħu jaqdu dan ir-rwol b’aktar impenn u effiċjenza.

Il-Ministru Leo Brincat qal li inizjattivi bħal din tal-bieraħ jibagħtu sinjal pożittiv fejn jiġi ppremjat min verament l-aktar qed jagħti riżultati konkreti fil-qasam tal-immaniġġjar tal-iskart.

Qal li hekk kif ninsabu lejliet il-bidu uffiċjali tal-proċess ta’ tħejjija tal-Pjan Nazzjonali dwar l-Immaniġġjar tal-Iskart, il-Gvern diġà beda jħejji biex ftit tal-ġimgħat oħra jibda l-proċess ta’ konsultazzjoni. 

Kompla li bla dubju ta’ xejn sehem il-Kunsilli Lokali f’dan il-proċess ser ikun importanti, aktar u aktar għaliex hemm bżonn li nkunu innovattivi u kuraġġużi fl-inizjattivi li se jittieħdu fejn jinfetħu l-bibien għall-ideat prattiċi ġodda, bl-iskop anke li jiġu megħluba problemi li għandna riżultat taċ-ċokon ta’ gżiritna u ta’ bosta bliet u rħula tagħna – il-kwistjoni hekk imsejħa ta’ economies of scale li kull tant ixekklu l-proċess tal-ġbir tal-iskart. 

Il-Ministru Brincat qal li bħal f’kull qasam ieħor il-Gvern ser ikun qiegħed jisma’ u jieħu l-proposti li jsirulu. Qal li fl-aħħar mill-aħħar is-suċċess jew il-falliment ta’ pajjiżna fil-qasam tal-immaniġġjar tal-iskart ma jitkejjilx minn dak li jistgħu jgħidu l-politiċi imma kif bħala pajjiż niġu mkejla minn organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-Aġenzija Ewropea tal-Ambjent u l-Unjoni Ewropea nnifisha.

Jekk nirreżistu bidliet meħtieġa u nħallu ċerti prattiċi kif inhuma llum kulħadd joħroġ tellief.

Il-Ministru Brincat qal li jemmen li bis-sehem tal-Kunsilli Lokali u stakeholders oħrajn nistgħu naslu biex flimkien intejbu l-qagħda ta’ pajjiżna fis-settur tal-immaniġġjar tal-iskart.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Kultura u Gvern Lokali, l-Onor. Jose’ Herrera, faħħar l-inizjattiva meħuda minn GreenPak u ħeġġeġ sabiex ikun hemm aktar okkażjonijiet fejn il-Kunsilli Lokali jkunu megħjuna jegħlbu waħda mill-aktar sfidi li għandu pajjiżna. Mingħajr azzjoni immedjata l-landfill preżenti ser timtela fi ftit ta’ snin oħra u għaldaqstant huwa importanti li jittieħdu dawk il-miżuri kollha li hemm bżonn sabiex inżidu s-separazzjoni tal-iskart  u nnaqsu l-iskart imħallat li qiegħed imur f’landfill.

“Il-Ministeru tiegħi ser jibqa’ impenjat li jagħti l-għajnuna kollha possibbli sabiex il-kunsilli lokali ikunu jistgħu jlaħħqu mal-obbligi li għandhom. Ħadd daqs il-Kunsilli Lokali ma jistgħu jifhmu l-mod ta’ kif nistgħu nħajru liċ-ċittadini jkunu parti minn din l-isfida. Għaldaqstant filwaqt illi l-Gvern Ċentrali flimkien mal-Kunsilli Lokali u l-Operatur Privat permezz ta’ skema bħalma hija din tal-GreenPak, qegħdin jagħmlu ħilithom kollha sabiex il-problema tittaffa, jonqos issa l-koperazzjoni taċ-ċittadin sabiex l-azzjoni tkun kompluta.”

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA   Fi tmiem il-ġimgħa se jsiru l-pagamenti tal-iskemi tal-anomaliji għall-2026

PR262029

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA Fi tmiem il-ġ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  Malta ttenni l-prinċipji soċjali tagħha favur akkomodazzjoni affordabbli, sigura u aċċessibbli għal kulħadd f'laqgħa Ewropea tal-Ministri tal-Akkomodazzjoni

PR262028

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...

More Press Releases Right arrow