STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA U L-KONSERVAZZJONI TAL-ILMA
L-Oppożizzjoni trid tfixkel biex il-kontijiet ma jorħsux
Ġimgħatejn wara li ġie ippublikat il-Project Description Statement dwar il-pjan tal-Enerġija tal-Gvern, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista baqgħet għaddejja bil-kampanja tagħha ta’ tfixkil biex il-familji u n-negozji ma jarawx roħs fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma.
Minkejja dan, il-Gvern jinsab on track fuq il-pjan tal-enerġija tiegħu u jibqa’ kommess li mhux biss iraħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma, imma li joffri wkoll arja ferm aktar nadifa lill-poplu. Dan billi jagħlaq il-powerstation tal-Marsa u jneħħi ċ-ċumnija l-antika ta’ Delimara, li hija twila 150 metru.
L-Oppożizzjoni iżda żammet l-istess ton kontra roħs fil-kontijiet li wasslu għall-isfiduċja tal-Partit Nazzjonalista fl-elezzjoni li għaddiet.
Il-Partit Nazzjonalista b’George Pullicino bħala Ministru kellu track record mill-agħar fil-qasam tal-energija li rriżulta fost l-ogħla tariffi fl-Ewropa. Dan minbarra l-proġett tal-BWSC li kien imtappan bi skandlu wieħed wara l-ieħor, bil-proġett tal-interconnector li waqa’ lura ħafna u b’take-up batut fil-qasam tal-enerġija rinovabbli. Fl-istess ħin, pajjiżna spiċċa b’inċidenza għolja ta’ mard respiratorju u b’sitwazzjoni fejn il-Gvern preċedenti kellu jħallas kumpanija privata biex jagħmel tajjeb għan-nuqqasijiet tiegħu.
George Pullicino huwa l-istess politiku li meta kien Ministru dam is-snin biex jiżviluppa politika tal-enerġija għal pajjiżna.
Waqt li l-Oppożizzjoni ħarġet bi kritika infondata m’offriet l-ebda soluzzjonijiet alternattivi. B’differenza il-Gvern preżenti offra alternattiva ċara li l-poplu għażel, u li l-istess Gvern beda jimplimentaha mal-ewwel.
Il-proġett qiegħed on track u l-gvern il-ġdid f’temp qasir se jkun f’pożizzjoni li jraħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma. B’kuntrast il-Partit Nazzjonalista ma kellu l-ebda pjan biex iraħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma, anzi kellu pjanijiet bil-kontra.
L-istadju tal-EOIC f’dan il-proġett wera biċ-ċar kif hawn ammont kbir ta’ kumpaniji internazzjonali li għandhom interess f’dan il-proġett il-ġdid u huwa xhieda ta’ kemm dan il-proġett huwa fattibbli.
Diġa ġie ippublikat il-Project Description Statement li huwa l-ewwel pass li għandu jwassal biex isiru l-istudji kollha neċessarji inkluż l-Environment Impact Assessment, u kwalunkwe studju meħtieġ li jinkorpora l-aspetti kollha partikolarment il-qasam ambjentali, marittimu, soċjali, ekonomiku u anke studji relatati mas-saħħa tal-poplu.
Il-pjanijiet tal-Gvern għall-qasam tal-enerġija bil-gass qed iħarsu ukoll lejn soluzjonijiet fit-tul. Bħalissa qed isiru diskussjonijiet bejn il-Gvern u l-Kummissjoni Ewropeja dwar dan u anke dwar il-finanzjament meħtieg għal dawn il-proġetti.
L-Oppożizzjoni Nazzjonalista qed tagħmel tentattivi biex akkost ta’ kollox tostakola dan il-proġett billi tipprova tbeżża b’mod infondat meta l-maġġoranza tal-poplu ta’ mandat lill-Gvern biex iwettaq dan il-proġett.
Other Press Releases:
PR262029
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA Fi tmiem il-ġ...
PR262028