Left arrow Go Back

TITWAQQAF IL-FONDAZZJONI ĊELEBRAZZJONIJIET NAZZJONALI MALTIN

pr1260
Date Icon 15/06/2013

Matul il-ħames snin li ġejjin, pajjiżna se jiċċelebra numru ta' anniversarji storiċi importanti. Is-sena d-dieħla se tkun partikolarment intensiva minħabba li, b'każwalita' li ftit għandha preċedent, matul l-2014 pajjiżna se jiċċelebra l-10 anniversarju mid-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, il-35 sena anniversarju ta’ Jum il-Ħelsien, l-40 anniversarju ta’ Jum ir-Repubblika u l-50 anniversarju ta’ Jum l-Indipendenza.


Huwa xieraq li dawn l-avvenimenti jiġu mfakkra b’mod nazzjonali bħala poplu wieħed u kien għalhekk li l-Gvern ġdid iddeċieda li jaħtar il-Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali Maltin, taħt l-awspiċi tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru.


Il-Fondazzjoni se jkollha l-għan li tfassal programm dinjituż u ta' Għaqda Nazzjonali għal dawn l-avvenimenti.

It-tmexxija tal-Fondazzjoni ġiet fdata f'idejn il-Professur Oliver Friggieri, li huwa meqjus bħala wieħed mill-aqwa akkademiċi tal-ilsien u letteratura Maltija, u li f'kitbietu dejjem ħadem ghall-identita' Nazzjonali.


Il-membri li se jingħaqdu mal-Professur Friggieri ġejjin minn kull qasam tal-ħajja u huma:


·        Albert Marshall – Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti u l-Kultura, Viċi-Chairman tal-PBS, ex Kap Ezekuttiv ta' PBS u ONE, kittieb teatrali.


·        Simone Mizzi – President Eżekuttiv ta' Din l-Art Ħelwa u intraprenditrici.


·        Dr Philip Farrugia Randon – Avukat u storiku tal-arti


·        John Zarb – Espert finanzjarju u Senior Partner ta’ Price Waterhouse Coopers


·        Jason Busuttil – Direttur f’ONE Productions Ltd u direttur televiziv ewlieni.


·        Lou Bondi – Preżentatur televiżiv u responsabbli miċ-ċelebrazzjonijiet tad-dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea.


·        Lino Farrugia – Direttur u espert fil-qasam teatrali, u responsabbli minn produzzjonijiet televiżivi fuq l-istazzjonijiet PBS u ONE.


·        Andrea Cassar – Preżentattriċi u produttrici televiziva, u intraprenditriċi.

·        Gianni Zammit – DJ u mużiċist


·        Professur Ray Mangion – Professur fl-istorja tal-liġi u riċerkatur ewlieni.


·        Mario Farrugia Borg – Uffiċjal fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru



L-ewwel laqgħa tal-Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali Maltin saret f’Kastilja mal-Prim Ministru Joseph Muscat akkumpanjat mid-Deputat Prim Ministru Louis Grech u s-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar.


Filwaqt li rringrazzja lill-membri kollha li aċċettaw l-istedina tal-Gvern, il-Prim Ministru esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-fatt li l-Fondazzjoni hija magħmula minn personalitajiet fil-qasam finanzjarju, storiku, televiżiv, teatrali u legali, fost oħrajn. Huma wkoll ġejjin minn ġenerazzjonijiet differenti.


Din hija xhieda, qal il-Prim Minsitru, li l-Gvern irid li l-poplu kollu jħoss li ċ-ċelebrazzjonijiet nazzjonali huma tiegħu.


Dr Muscat qal li l-għan tal-Fondazzjoni huwa li twassal messaġġ ta’ għaqda billi torganizza attivitajiet wiesgħa għall-familji kollha u mhux biss attivitajiet li jistghu jitqiesu bħala esklussivi għal sezzjoni żgħira tal-poplu.


Il-Prim Ministru spjega li l-ikbar sfida hija li l-partiti politiċi jħossu li tnejn mill-anniversarji li se jiġu ċċelebrati s-sena d-dieħla, Jum il-Ħelsien u Jum l-Indipendenza, huma tagħhom, u matul is-snin żergħu antagoniżmu fi ħdan segwaċi tagħhom għal festa meqjusa bħala "tal-partit l-ieħor".


Iżda issa wasal il-mument li, bi ħsibijiet miftuħa, jkun il-pajjiż kollu li jħaddan miegħu dawn l-anniversarji Nazzjonali.


Ix-xogħol tal-Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali Maltin mhux se jkun limitat biss għas-sena d-dieħla, fejn hemm il-qofol tal-anniversarji storiċi, iżda anke lil hinn, fost oħrajn fit-tfassil taċ-ċelebrazzjonijiet għall-anniversarju tal-Assedju l-Kbir. Il-Kumitat Festi Nazzjonali se jibqa jżomm ir-rwol fi ħdan dan il-qafas ġdid.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA   Fi tmiem il-ġimgħa se jsiru l-pagamenti tal-iskemi tal-anomaliji għall-2026

PR262029

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA Fi tmiem il-ġ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  Malta ttenni l-prinċipji soċjali tagħha favur akkomodazzjoni affordabbli, sigura u aċċessibbli għal kulħadd f'laqgħa Ewropea tal-Ministri tal-Akkomodazzjoni

PR262028

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...

More Press Releases Right arrow