STQARRIJA MAĦRUĠA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU
Il-Gvern jiffirma Memorandum of Understanding biex isir studju dettaljat dwar pont permanenti bejn Malta u Għawdex
Il-Gvern Malti ffirma Memorandum of Understanding (MOU) biex isir studju dettaljat dwar il-possibbiltà li jsir pont bejn Malta u Għawdex.
Dan se jsir mill-kumpanija China Communications Construction Company Ltd (CCCC) li offriet li tagħmel b’xejn dan l-istudju li jiswa €4 miljun.
Il-MOU ġie ffirmat mid-Deputat Prim Ministru Louis Grech u l-Viċi-President Zhang Baozhong.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li din hija parti minn numru ta’ inizjattivi li l-Gvern qed iħares lejhom biex itejjeb l-aċċessibbiltà bejn Malta u Għawdex. Fost dawn qed tiġi studjata l-possibbiltà ta’ link bl-ajru għal Għawdex, il-possibbiltà ta’ servizz veloċi bil-baħar bejn l-Imġarr u Sa Maison, il-possibbiltà ta’ mina bejn Malta u Għawdex u l-possibbiltà ta’ bridge.
Il-Prim Ministru qal li l-Gvern qed jilqa’ dan l-istudju mingħajr ebda rbit li l-pont, jekk ikun fattibbli, isir ma’ din il-kumpanija Ċiniża u kollox jimxi skont ir-regoli ta’ procurement.
Huwa fakkar fir-relazzjonijiet mill-aqwa bejn Malta u ċ-Ċina u qal li l-kuntatti dwar din it-tip ta’ koperazzjoni u proġetti oħrajn bejn iż-żewġ pajjiżi ilhom għaddejjin għall-aħħar xhur.
Min-naħa tiegħu l-Viċi-President ta’ CCCC qal li r-relazzjonijiet bejn Malta u ċ-Ċina huma speċjali u ċ-Ċina għandha rispett kbir lejn Malta minħabba li dak kien l-ewwel pajjiż li beda relazzjonijiet diplomatiċi. Huwa qal li jemmnu f’Malta wkoll bħala pajjiż b’potenzjal ta’ tkabbir ekonomiku.
pr1249a.pdf
Other Press Releases:
PR262029
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA Fi tmiem il-ġ...
PR262028