POLITIKA LI TAGĦTI TASSEW SENS LILL-ĦAJJA TAL-ANZJANI MALTIN U GĦAWDXIN
Waqt seminar konsultattiv bit-tema “Anzjanità Attiva: Illum u Għada”, organizzat dalgħodu mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Anzjanità Attiva (NCAA), il-Ministru Marie-Louise Coleiro Preca qalet li l-Gvern huwa determinat li jiżviluppa u jwettaq politika li tagħti tassew sens lill-ħajja tal-anzjani Maltin u Għawdxin.
Qalet li dan is-seminar huwa xhieda tal-impenn tal-Gvern biex il-politika soċjali verament iżżomm l-anzjani attivi u motivati f’din il-fażi ta’ ħajjithom.
Tkellmet ukoll dwar l-importanza li s-soċjetà tkun t’għajnuna u mhux ta’ xkiel fil-proċess tal-anzjanità attiva bil-għan li l-anzjani mhux biss ikollhom l-aqwa servizzi fil-komunità, djar bi standards għolja u pensjonijiet adekwati u sostenibbli imma wkoll li jgħixu f’an age-friendly society.
Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà u l-Anzjanità Attiva Dr Franco Mercieca sostna li l-għan tal-Gvern hu li titfassal strateġija nazzjonali għall-anzjanità attiva li tindirizza sensiela ta’ sfidi li qed ifixxklu l-formazzjoni ta’ soċjetà li qed tixjiħ b’mod attiv.
Dr Mercieca saħaq li rridu niġġieldu l-perċezzjoni li l-anzjani huma piż fuq is-soċjetà. Qal li l-anzjani għandhom iħossuhom parteċipi fis-soċjetà u jibqgħu attivi matul ħajjithom kollha. Fl-istess waqt qal li għandna noffrulhom is-servizzi tas-saħħa kollha possibbli biex jibqgħu b’saħħithom kemm jista’ jkun u ma jkunux ta’ piż għas-soċjetà.
Fi tmiem is-Seminar li ra l-parteċipazzjoni ta’ bosta stakeholders u parteċipazzjoni qawwi mill-anzjani nfushom, Dr Mercieca qal li s-seminar kellu l-għan li jisma’ l-ideat tan-nies kollha b’mod mill-aktar miftuħ mingħajr l-indħil tal-politiċi biex titfassal strateġija nazzjonali li twassal għal qafas ta’ programm li jrid jiġi attwat fis-snin li ġejjin.
Is-Segretarju Parlamentari Dr Franco Mercieca sostna li ladarba tkun imfassla l-istrateġija, il-Gvern irid jgħaddi mill-kliem għall-fatti u jibda jwettaq dak li se jiġi propost fl-istrateġija nazzjonali.
Huwa ħeġġeġ ukoll liż-żgħażagħ biex iħarsu lejn il-qasam tal-anzjani bħala opportunità ta’ karriera.
Matul dan is-seminar saru wkoll diversi workshops li trattaw il-parteċipazzjoni fis-soċjetà, l-għajxien indipendenti u aktar impjiegi għall-ħaddiema anzjani.
Other Press Releases:
PR262029
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA Fi tmiem il-ġ...
PR262028