STQARRIJA TAS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAR-RIĊERKA INNOVAZZJONI, ŻGĦAŻAGĦ U SPORT
Il-Gvern poġġa l-innovazzjoni u r-riċerka bħala waħda mill-prioritajiet tiegħu u qed jara li jagħtihom spinta akbar, billi jiżdiedu l-kapaċitajiet u r-riżorsi ta’ organizzazzjonijiet pubbliċi li jidentifikaw ideat ġodda u kreattivi. Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport, l-Onor. Stefan Buontempo waqt żjara ta’ kortesija lid-diriġenti tal-General Workers Union.
Dr Buontempo kompla jgħid li biex il-pajjiż jkun kapaċi jippromwovi bil-kbir l-innovazzjoni u r-riċerka, għandna l-bżonn l-appoġġ qawwi tal-istakeholders kollha u xejn anqas ta’ din l-akbar union tal-pajjiż.
Min-naħa tiegħu, s-Sur Tony Zarb faħħar l-fatt li l-Gvern huwa kommess li jagħti l-istipendju lil dawk l-istudenti li jkollhom jirrepetu sena fl-MCAST, il-Juniour College u skejjel post-sekondarji oħrajn. Semma' wkoll l-importanza li ż-żgħażagħ ma jkunux maħnuqa permezz ta' ċensura, sabiex l-espressjoni artistika, letterarja u fi kwalunkwe forma oħra tkun rispettata. Is-Sur Zarb aċċenna wkoll għall-qasam sportiv fejn semma' li huwa għaqli li l-Gvern ikompli jistinka sabiex jissaħħaħ il-professjonaliżmu f'dan il-qasam.
Is-Segretarju Parlamentari tenna li l-Politika tal-Gvern hija l-garanzija lil kull żagħugħa u żagħżugħ li ma jkunux fit-tagħlim, jew ikollhom xogħol, jingħataw taħriġ. Għalhekk qed jara li aktar żagħżagħ ikomplu jistudjaw wara l-eta’ obligatorja ; u anki li ntejbu l-kapaċitajiet taż-żagħżagħ permezz ta’ taħriġ adekwat. Il-Gvern dan qed jagħmlu billi qed joffri estensjoni ta’ programmi u scholarships intiżi biex studenti u riċerkaturi jkomplu jispeċjalizzaw; qed isir ukoll investiment adekwat fil-Kunsill Malti għax-Xjenxa u t-Teknologija flimkien ma’ diversi inzjattivi oħra li jippromwovu r-riċerka u l-innovazzjoni f’entitajiet pubbliċi u privati.
Other Press Releases:
PR262029
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA Fi tmiem il-ġ...
PR262028