Left arrow Go Back

IT-TISĦIĦ TAS-SIĠAR F’PAJJIŻNA – WEGĦDA ĊARA TAL-PROGRAMM ELETTORALI TAL-GVERN

pr1178
Date Icon 06/06/2013

Diskors mill-Onor. Leo Brincat, Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u Tibdil fil-Klima, waqt laqgħa ta’ konsultazzjoni pubblika għall-preservazzjoni tas-siġar organizzata mill-Gvern

 L-attivita’ tal-lum hija waħda ‘l fuq mill-politika.

 Iżda bħala Ministru parti minn dan il-Gvern għandi d-dmir u l-obbligu li nara li dak li hemm fil-program elettorali dwar il-qasam tas-siġar jitwettaq.

 Il-wegħda tagħna hija waħda ċara daqs il-kristall – ‘Li nħarsu kontinwament is-siġar eżistenti fl-ibliet u l-irħula Maltin u ninċentivaw it-tħawwil ta’ aktar siġar, partikolarment dawk indiġeni’

 Wegħda numru 56.

 Billi huwa fatt magħruf li l-liġijiet eżistenti ma jagħtux ħarsien xieraq lis-siġar, kemm fiz-zoni urbani u dawk rurali, anzi agħar minn hekk iddgħajfu tul is-snin, l-loġika tgħid li aktar jagħmel sens li l-ewwel nirranġaw u nsaħħu l-qafas leġiżlattiv dwar is-siġar kif inhu llum. U dan qabel nintensifikaw it-tħawwil ta’ siġar ġodda li xorta waħda jistgħu jsibu ruħom esposti għall-abbużi sfaċċati u trattament mhux xietaq minn nies li jmisshom jafu aħjar.

Aħna stajna faċilment għamilna stedina lill-udjenza magħżula bil-quddiem biex jintqalu affarijiet li jdoqqu għal widnejha.

Iżda s-sens komun qalilna li flok nisimgħu qanpiena waħda, u jekk verament irridu nisimgħu lil kullħadd, kien importanti li nħallu stedina miftuħa biex ma neskludu lil ħadd minn fost individwi u organizazzjonijiet li jridu jgħidu tagħhom fuq is-siġar. Kien importanti li aħna bħala Ministeru nistiednu lil diversi entitajiet u dipartimenti governattivi, inkluż Ministeri, ħalli f’kull ħidma maqbula naraw li dawn imexxu bl-eżempju.

Ħallejna ukoll stedina miftuħa għall-operaturi ekonomiċi kollha u l-Kunsilli Lokali.

Nappella biex jekk verament irridu li nisimgħu l-fehmiet ta’ kulħadd għandna nkunu tolleranti lejn kull fehma espressa, anke jekk ma naqblux magħha, forsi anke fundamentalment.

Sadanittant, nistgħu nwegħdukom li ser nkunu qegħdin nieħdu kunsiderazzjoni ta’ kull suġġeriment prattiku u bis-sens li jsir, ħalli meta ngħaddu biex insaħħu l-avviżi legali li jirregolaw dan il-qasam ħadd ma jkun jista’ jgħid li kien tard wisq biex jsemma leħnu.

Inroddilkom ħajr bil-quddiem tas-sehem u l-parteċipazzjoni tagħkom. Inrodd ħajr ukoll lill-Ad hoc Working Group li ħtart xi xhur ilu li għamlu xogħol fejjiedi ħafna fuq livell purament konsultattiv, kif konvint li sejrin jibqgħu jagħmlu wara l-laqgħa tal-lum.

Jiena illum bi ħsiebni nsegwi dak kollu li jista’ jitqajjem ħalli nkunu nistgħu naslu għal stampa aktar ċara tal-qagħda tas-siġar f’pajjiżna. Kif ukoll tar-rimedji effettivi li hemm bżonn jittieħdu mingħajr aktar tkaxkir tas-saqajn jew dewmien.

Bħala Ministru responsabbli għal dan il-qasam għandi l-obbligu li nara li dak li wegħdna nwettquh f’din il-leġiżlatura, u mhux fl-aħħar ftit jiem biss.

Nemmnu li b’din l-inizjattiva tal-lum, bl-għajnuna tagħkom hawn kollha miġbura ser nkunu qed nagħtu kontribut b’mod prattiku fit-tifkira tal-Jum Dinji favur l-Ambjent, li jaħbat illum stess.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA   Fi tmiem il-ġimgħa se jsiru l-pagamenti tal-iskemi tal-anomaliji għall-2026

PR262029

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA Fi tmiem il-ġ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  Malta ttenni l-prinċipji soċjali tagħha favur akkomodazzjoni affordabbli, sigura u aċċessibbli għal kulħadd f'laqgħa Ewropea tal-Ministri tal-Akkomodazzjoni

PR262028

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...

More Press Releases Right arrow