DISKORS TAL-ONOR. EDWARD ZAMMIT LEWIS, SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦALL-KOMPETITTIVITÀ U TKABBIR EKONOMIKU WAQT IT-TNEDIJA TAL- iSTUDENT PLACEMENT PROGRAMME
Għeżież mistiedna, il-wara nofsinhar it-tajjeb.
Grazzi talli attendejtu għal din l-attivita` fejn bi pjaċir qed inħabbru l-bidu tal-iStudent Placement Programme, l-‘SPP’ għas-sena 2013.
Dan il-Programm huwa impenn importanti għall-Gvern u jifforma parti mill-inizjattivi u mill-politika għall-Ekonomija Diġitali b’saħħita. Dan il-Gvern jemmen li l-Ekonomija Diġitali hija pilastru importanti għall-iżvillup u l-avvanz ta’ pajjiżna. Poġġejna fil-fatt l-isfida li Malta tkun fost l-aqwa fl-Ewropa f’dan il-qasam.
Fil-politika li qed infasslu, l-miri tal-Ekonomija Diġitali huma li nikkrejaw eko-sistema idejali għall-ispirtu tal-intrapriża; fejn l-investiment biex niffaċilitaw l-aċċess u l-użu tat-teknoloġija u l-iżvilupp tal-ħiliet huwa wieħed sostanzjali. L-istrateġija hija dik li permezz tat-teknoloġija nsaħħu l-aspetti uniċi ta’ pajjiżna, napplikaw it-teknoloġija f’diversi setturi biex inżidu l-effiċjenza u anke nikkrejaw setturi ekonomiċi ġodda. Dan iwassal għal ħolqien ta’ aktar postijiet tax-xogħol, impjiegi ta’ valur miżjud u kwalita` ta’ ħajja aħjar.
Huwa għalhekk illi l-għażliet politiċi huma dawk li nkomplu ninvestu fl-edukazzjoni, inkluż nwettqu miżuri biex ngħinu liż-żgħażagħ jispeċjalizzaw dejjem aktar fil-qasam tat-teknologija. It-taħrig u l-miżuri f’dan il-qasam għandhom jitfasslu b’komformita` sħiħa mal-opportunitajiet u n-neċessitajiet tal-industrija u s-suq tal-Ekonomija Diġitali.
L-‘SPP’ huwa Programm ta’ investiment fil-kapaċitajiet taż-żgħażagħ. Il-Programm jinkludi wkoll inċentiv finanzjarju għal min iħaddem sabiex niffaċilitaw it-taħriġ prattiku tal-istudenti u sinerġiji bejn l-istudenti u min iħaddem.
Qed inwettqu dan il-Programm għaliex huwa mezz ta’ kif l-istudenti jiżviluppaw il-ħiliet tekniċi taħt il-gwida ta’ min iħaddem, sabiex il-kapaċitajiet ikunu relevanti għall-industrija. Iżda mhux il-ħiliet tekniċi biss – l-industrija ssemmi l-importanza ta’ ħiliet trasnversali bħal krejattivita`, li tkun taf taħdem f’tim, l-kapaċita` li tikkomunika, li tanalizza, li ssolvi l-problemi, eċċ. Dawn huma ħiliet li l-istudenti jkollhom l-opportunita` jippratikaw f’post tax-xogħol attwali permezz ta’ l-SPP.
Il-programm huwa veikolu sabiex iż-zgħażagħ jikkumplimentaw il-formazzjoni edukattiva tagħhom b’esperjenza ta’ xogħol. L-istudenti għal perjodu qasir għandhom l-opportunita` li jkollhom rwol produttiv u attiv fl-ekonomija Maltija.
Il-viżjoni tal-Gvern hija wkoll illi din l-esperjenza sservi sabiex l-istudenti jifhmu l-importanza ta’ taħriġ kontinwu u ta’ speċjalizzazzjoni. Taħriġ li permezz ta’ inizjattivi oħra kurrenti huwa sostnut anke finanzjarjament bħal per eżempju bl-iskemi ‘Master It’ jew il-‘Get Qualified’.
L-industrija Maltija ma għandhiex, u ma tistgħax, tikkompeti fuq bażi ta’ prezz, iżda fuq il-valur miżjud li kapaċi toffri, bi prodotti u servizzi uniċi u b’differenza, permezz ta’ kompetenzi marbutin ma niċċeċ u b’attitudni bieżla u professjonali li aħna l-Maltin tant kapaċi fiha. Dawn huma realtajiet li l-istudenti jkollhom ċans japprezzaw u jifhmu, grazzi għall-esperjenza u b’hekk jgħarrfu jagħmlu deċiżjonijiet għaqlin rigward l-għażla ta’ studji u taħriġ iktar speċjalizzat. Iktar kemm niddiferenzjaw ruħna mill-kompetizzjoni ta’ pajjiżi oħra, kbar u zgħar, permezz ta’ kompetenzi speċjalizzati iktar inkunu kapaċi nattiraw investiment – kemm barrani u kemm lokali.
Nemmen li l-SPP huwa ħafna iktar minn sempliċi job temporanju għas-sajf. Flimkien nistgħu nagħtu opportunita` liż-żgħażagħ jibnu l-ħiliet u jesploraw l-possibilitajiet għal futur tagħhom. Dan iwassal sabiex nsaħħu l-impjegabilita` tal-istudenti u nżidu l-effiċjenza fi transizzjoni mill-edukazzjoni għax-xogħol. Huwa Programm li jipprovdi kjarifiċi u gwida għall-għażla ta’ karriera. Jista’ jagħti spunt sabiex inressqu iktar lejn xulxin id-dinja edukattiva u l-industrija fejn il-kontenut edukattiv jipprepara aħjar lill-gradwati għal xogħol mistħoqq u li jrendi.
Huwa għalhekk li l-benefiċjarji ta’ dan il-Programm m’humiex biss l-istudenti, iżda hija anke l-industrija. Qed ninċentivaw il-parteċipazzjoni ta’ min iħaddem. Il-Gvern ser jagħti ko-finanzjament ta’ 50 fil-mija tal-paga tal-istudenti lil min iħaddem fil-privat u jkopri l-finanzjament kollu għall-istudenti li jidħlu fis-settur pubbliku. Imma iktar lil ’hinn mill-ko-finanzjament tal-paga, l-valur ta’ dan il-Programm għal min iħaddem huwa li għandu ċ-ċans li jinfluwenza direttament il-ħaddiema ta’ għada. L-impatt li l-industrija tipparteċipa fl-SPP m’għandux jiġi sottovalutat. Huwa mezz ta’ kif tħarreġ l-impjegati tal-futur permezz ta’ għajnuna diretta mill-Gvern u programm sempliċi. Il-Programm jgħin anke lilna li aħna responsabbli mil-politika edukattiva u ekonomika biex nifhmu iktar mill-qrib il-ħiliet li għandha bżonn l-industrija u kemm il-provista tal-ħiliet li qed nipproduċu mis-sistema edukattiva wiesgħa tagħna qiegħda taqdi dawn il-bżonnijiet.
Is-sena l-oħra madwar 220 żagħżugħ u żagħżugħa ibbenefikaw mill-Programm. Għal din is-sena il-mira hija li jirnexxielna noffru l-opportunita` lil aktar żgħażagħ. Nappella għal ko-operazzjoni sħiħa mill-industrija u mis-settur pubbliku.
Fuq bażi Ewropeja permezz ta’ l-istrategija Digital Agenda, diversi stati membri u stakeholders qed jingħaqdu mall-Kummissjoni Ewropea f’dik li qed tissejjah Grand Coalition. Din il-koalizzjoni Ewropeja hija programm sabiex il-provista tal-ħiliet fl-ICT tqarreb iktar għall-bżonnijiet tal-industrija. Hekk ukoll irridu nagħmlu aħna lokalment permezz ta’ dan il-Programm u inizjattivi oħra.
Irridu nisimgħu kemm x’għandha bżonn l-industrija u nagħmlu l-almu tagħna biex ngħaqduha; u kif ukoll nsaħħu is-sistema edukattiva sabiex tkun waħda pro-attiva u l-programmi ta’ taħriġ innovativi u l-ispeċjalizazzjonijiet futuristiċi toħloqhom hi permezz ta’ riċerka kontinwa.
Ejja f’sinerġija nippreparaw u ninvestu llum fil-kapaċitajiet tal-ħaddiema, l-industrijalisti u l-inventuri ta’ għada – ingħaqdu fil-programm SPP.
Grazzi.
Other Press Releases:
PR262029
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA Fi tmiem il-ġ...
PR262028