Left arrow Go Back

IL-PRIM MINISTRU SE JIBDA JILTAQA’ MAL-MEUSAC QABEL IS-SUMMITS FORMALI TAL-MEXXEJA TAL-UNJONI EWROPEA

pr1142
Date Icon 31/05/2013

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar l-intenzjoni tiegħu li jibda jiltaqa’ mal-membri tal-Core Group tal-MEUSAC mill-inqas darbtejn f’sena, qabel is-summits formali tal-Kunsill Ewropew li jsiru f’Ġunju u Diċembru. B’dan il-mod il-Gvern ikun qiegħed jisma’ l-veduti tas-soċjetà ċivili qabel ma jieħu pożizzjoni dwar it-temi li jkunu fuq l-aġenda tal-Kunsill Ewropew.

Waqt laqgħa mal-membri tal-Core Group tal-MEUSAC fil-Belt Valletta, il-Prim Ministru tkellem dwar l-aħħar laqgħa tal-Kunsill Ewropew li saret fit-22 ta’ Mejju u li fiha l-mexxejja Ewropej iddiskutew l-oqsma tal-enerġija u t-tassazzjoni. Qal li kienet laqgħa importanti għaliex ħarġu punti li huma parti mill-politika ħolistika tal-Gvern fil-qasam tal-enerġija favur kontijiet orħos u arja aktar nadifa. Dawn il-miri jistgħu jintlaħqu mhux biss bl-interkonnettività iżda wkoll bis-sehem tas-settur privat f’investiment ġdid li jassigura li l-prezzijiet tal-enerġija ma jkomplux jolqtu ħażin lill-kompetittività tan-negozji u d-dħul tal-familji.

Dwar it-tassazzjoni, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li fil-qasam finanzjarju, ir-riċetta tas-suċċess għal pajjiżna kienet il-kunsens unanimu li jeżisti bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra tar-Rappreżentanti. Dan wassal biex Malta tikseb kredibilità fuq livell Ewropew, f’qasam li wieħed jeħtieġ li jħares ‘il bogħod  u jippjana fit-tul.

Il-Prim Ministru semma kif il-Kunsill Ewropew f’Ġunju li ġej se jiddiskuti s-Semestru Ewropew, b’mod speċjali r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi li l-Kummissjoni Ewropea rrikmandat għall-approvazzjoni tal-Kunsill fil-laqgħa ta’ Ġunju. Fost l-aspetti pożittivi dwar ir-rakkomandazzjonijiet għal Malta hemm il-pjan ħolistiku tal-Gvern fil-qasam tal-enerġija. Min-naħa l-oħra, l-ambjent u l-problema tat-tniġġis tal-arja se jingħataw prijorità mill-Gvern.

Qal li l-pensjonijiet u s-saħħa huma temi li wieħed ma jistax jaħrab minnhom. Il-Prim Ministru qal li hemm soluzzjonijiet ibbażati fuq tmexxija aħjar f’dawn l-oqsma. Semma wkoll il-parteċipazzjoni baxxa tan-nisa fis-suq tax-xogħol u qal li din se tiġi indirizzata b’miżuri ta’ faċilitajiet ta’ kura għat-tfal żgħar u ta’ iktar miżuri ta’ flessibilità fis-settur pubbliku. Filwaqt li qal li l-Gvern hu kommess li jwettaq politika attiva fis-suq tax-xogħol maqbula bejn l-imsieħba soċjali u l-partiti politiċi, imsejħa ‘Jobs Plus’, il-Prim Ministru Joseph Muscat tkellem dwar il-problema tal-qgħad fost iż-żgħażagħ Ewropej u kif il-Gvern Malti se jimplimenta l-inizjattiva tal-UE msejħa ‘Garanzija għaż-Żgħażagħ’ biex dawn jingħataw taħriġ bil-għan li jkomplu l-edukazzjoni jew jingħataw taħriġ għal xogħol diċenti.

Il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili, Dr Helena Dalli qalet li l-preżenza tal-Prim Ministru waqt il-laqgħa tal-Core Group ta’ dalgħodu hija xhieda li dan huwa Gvern li jisma’. Dr Dalli qalet li l-Gvern huwa impenjat li jisma’ lill-imsieħba soċjali, lill-partiti politiċi u lir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili qabel il-Kunsill Ewropew tax-xahar id-dieħel.  Hi qalet li għall-Gvern huwa importanti li l-imsieħba kollha fil-Core Group iħossu li verament qed jikkontribwixxu sabiex titfassal il-pożizzjoni tal-Gvern Malti fil-Kunsill Ewropew.  Rigward il-preżenza tal-partiti politiċi fil-Core Group, il-Ministru Dalli qalet li dan għandu jwassal għal aktar konverġenza dwar il-politika li tadotta Malta fil-qafas tal-istituzzjonijiet Ewropej.

Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-MEUSAC, Dott. Vanni Xuereb filwaqt li rringrazzja lill-Prim Ministru li qed jiltaqa’ mal-membri tal-Core Group tal-MEUSAC għall-ewwel darba, ftit ġimgħat biss mill-bidu ta’ din il-leġiżlatura, fisser l-apprezzament tal-membri għal din l-opportunità tajba għal skambju ta’ ideat mal-Prim Ministru dwar temi li jolqtu lil Malta u l-Unjoni Ewropea.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  Malta ttenni l-prinċipji soċjali tagħha favur akkomodazzjoni affordabbli, sigura u aċċessibbli għal kulħadd f'laqgħa Ewropea tal-Ministri tal-Akkomodazzjoni

PR262028

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY  Malta continues to strengthen its position as an international maritime hub

PR262027en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY Malta continues to ...

More Press Releases Right arrow