SUĊĊESS GĦALL-PROGRAMMI JOB EXPOSURE U CHOICE B’RABTA MA’ PROMOZZJONI TA’ KARRIERI FIS-SETTUR TURISTIKU...JIPPARTEĊIPAW AKTAR MINN 3000 STUDENT MILL-ISKEJJEL TAL-ISTAT
F’ċerimonja organizzata mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu għal studenti mill-iskejjel tal-Istat li fost l-oħrajn għamlu esperjenza ta’ job shadowing b’rabta ma’ promozzjoni ta’ karrieri fis-settur turistiku, il-Ministru għat-Turiżmu l-Onor. Karmenu Vella saħaq fuq il-bżonn li t-taħriġ akkademiku jkun applikat fid-dinja tax-xogħol.
Il-Ministru Vella appella lill-istudenti biex jgħożżu l-edukazzjoni li jirċievu tul ħajjithom kollha, hekk kif din twassal għall-formazzjoni tal-karattru. F’dan il-kuntest, tkellem fuq l-importanza tal-ospitalità fejn semma’ kif is-settur turistiku ma jiddependix biss mill-prodott imma wkoll mill-kwalità tas-servizz li jiġi offrut.
Meta rrefera għall-programmi Job Exposure u CHOICE, il-Ministru Vella qal li l-għan ta’ dal-programmi kien li tinħoloq kuxjenza fuq x’kapaċi toffri l-industrija turistika filwaqt li ġġiegħel lill-istudenti jibdew jaħsbu dwar l-opportunitajiet li jeżistu f’dan il-qasam.
Il-Ministru għat-Turiżmu tkellem ukoll fuq l-importanza li għandu s-settur tal-avjazzjoni għall-qasam turistiku u ħabbar kif se tkun qed tiġi mistħarġa l-possibilità li programmi simili jkunu jistgħu jiġu applikati wkoll kemm fis-settur tal-avjazzjoni kif ukoll f’dak tal-kultura.
Permezz tal-programm Job Exposure, fl-aħħar xahrejn, mal-120 student mill-Form 4 u li jattendu l-Kulleġġi ta’ Santa Klara, Maria Reġina, San Injazju u San Ġorġ Preca għamlu esperjenza ta’ ġimgħa f’diversi stabbilimenti turistiċi li jinkludu mal-40 lukanda differenti. L-istudenti kellhom l-opportunità li josservaw fil-prattika karrieri differenti involuti fis-settur turistiku.
Intant, matul iċ-ċerimonja kienu premjati wkoll studenti minn diversi kulleġġi li ħadu sehem fil-programm CHOICE u li ra l-parteċipazzjoni ta’ madwar 3000 student mill-iskejjel tal-Istat. Il-programm involva lill-istudenti f’parteċipazzjoni f’diversi taħdidiet, żjajjar fi stabbilimenti turistiċi u fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi. L-istudenti kellhom ukoll l-opportunità li jieħdu sehem f’kompetizzjoni bil-għan li tgħinhom ikunu kreattivi.
Preżenti għal din iċ-ċerimonja kien ukoll wkoll il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Josef Formosa Gauci.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en