IMNEDIJA T-TIENI EDIZZJONI TAL-FESTIVAL TAL-ĦUT MILL-KUNSILL LOKALI TAŻ-ŻURRIEQ
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Kunsill Lokali taż-Żurrieq nieda t-tieni edizzjoni tal-festival tal-ħut li se jkun qed jittella’ nhar il-Ħadd li ġej 2 ta’ Ġunju mit-8.00 a.m. ’il quddiem.
Il-Ministru għat-Turiżmu l-Onor. Karmenu Vella semma’ kif il-lokal taż-Żurrieq minn dejjem kien magħruf għall-industrija tas-sajd fejn għal bosta snin, fil-passat dan serva l-lat soċjali tiegħu meta kien jgħajjex mijiet ta’ familji.
Tkellem fuq il-kontribut kbir li għandu s-sajd fil-qasam turistiku u saħaq li llum il-ħut huwa parti integrali mill-esperjenza kulinarja li jfittex it-turist f’Malta.
Il-Ministru Karmenu Vella faħħar l-inizzjattiva li qed jieħu l-Kunsill li jżomm ħajja din it-tradizzjoni filwaqt li ħeġġeġ aktar kunsilli lokali biex jorganizzaw attivitajiet li mhux biss jgħaqqdu lill-lokalità izda wkoll iservu ta’ attrazzjoni għat-turisti b’mod partikolari bħalissa li qed noqorbu lejn l-istaġun tas-sajf.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Kultura u Gvern Lokali Hose Herrera spjega kif attivitajiet bħal dawn jagħmlu possibli l-kunċett tal-open governance, fl-istess ħin li jservu bħala mezz tajjeb kif il-Kunsilli Lokali jippromwovi elementi uniċi tal-lokalità.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Roderick Galdes iddeskriva s-settur tas-sajd bħala wieħed b’potenzjal qawwi li jista’ jkompli jimrah, speċjalment fil-qasam tal-akwakultura. Semma’ kif is-sena d-dieħla Malta se jkollha budget speċifiku għall-promozzjoni tal-ħut u s-sajd, li minnha jista’ jibbenefika ħafna s-settur tat-turiżmu.
Is-Sindku taż-Żurrieq Ignatius Farrugia qal li fost l-oħrajn l-attività se tkun qed tfakkar is-snin kollha ta’ mhabba u dedikazzjoni taż-Żrieraq lejn il-mistjier tas-sajd.
Fl-attività li se tkun qed tittella’ fit-toroq prinċipali ta’ biswit il-Knisja se jkun qed jinbigħ ħut frisk u anke msajjar, frott tal-baħar flimkien ma’ esebizzjonijiet ta’ artiggjanat u spettaklu traddizzjonali Malti. Se ssir ukoll kompetizzjoni ta’ nbid maghsur miż-Żrieraq stess. Il-kunsill ħaseb ukoll li jorganizza divertiment għat-tfal kif ukoll se jkunu qed jagħtu s-sehem tagħhom l-iScouts taż-Żurrieq.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en