TNEĦĦIJA TAL-PRESKRIZZJONI F’KAŻI TA’ KORRUZZJONI POLITIKA
It-tneħħija tal-preskrizzjoni għall-politici f’dak kollu li għandu x’jaqsam ma’ korruzzjoni politika se tidħol fis-seħħ il-ġimgħa d-dieħla wara li l-Kamra tad-Deputati tapprova l-Att biex jemenda l-Kodiċi Kriminali u biex jemenda bħala konsegwenza l-Kodiċi Ċivili.
Dan tħabbar mill-Prim Ministru Dr. Joseph Muscat waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Palazz il-Belt li matulha ngħata tagħrif dwar l-implikazzjonijiet tat-tneħħija tal-preskrizzjoni.
Il-Prim Ministru sejjaħ il-miżura bħala waħda ta’ serjetà li se tgħolli l-istandards għall-politiċi kollha u qed tibgħat sinjal ċar li fil-politika l-onestà hija imperattiva u l-korruzzjoni politika mhix se tkun tollerata.
Dr. Muscat qal bil-miżura, l-politiċi u dawk li jikkorrompu l-politiċi mhux biss mhux se jistaħbew wara l-preskrizzjoni iżda l-Istat jista’, jekk jara li l-politiċi stagħnew mill-korruzzjoni, jipproċedi ċivilment biex jieħu lura l-flus mill-korruzzjoni.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Ġustizzja Dr. Owen Bonnici fakkar li l-abbozz ta’ liġi dwar it-tneħħija tal-preskrizzjoni tressaq fil-parlament fl-10 ta’ April li għadda, anqas minn xahar wara l-ħatra tal-eżekuttiv.
X’jgħid l-abbozz:
Ministri, Segretarji Parlamentari, Membri Parlamentari, Sindki jew Kunsilliera li jagħmlu atti ta’ korruzzjoni skont il-kodiċi kriminali ma jistgħux fl-ebda stadju f’ħajjithom jippruvaw jew imqar jagħmlu attentat biex jużaw il-preskrizzjoni biex jaħbu dnubiethom, jgħaddi kemm jgħaddi żmien;
Il-persuna mhux politika li xtrat jew ikkorrompiet lill-politiku wkoll ma tista’ bl-ebda mod tuża l-preskrizzjoni favuriha biex taħbi dnubietha;
L-Istat jista’ fi kwalunkwe stadju jipproċedi ċivilment kontra dak il-politiku korrott biex jieħu lura l-affarijiet materjali li jkun kiseb frott tal-korruzzjoni politika.
Is-Segretarju Parlamentari Bonnici qal li ladarba l-abbozz isir liġi jkun qed jintbagħat il-prinċipju li kwalunkwe politiku li jagħmel reati ta’ korruzzjoni ma jistax jgħid favur tiegħu li tali reat huwa preskritt. Dr. Bonnici qal fil-każ ta’ persuna mejta l-Istat xorta jista’ jiftaħ kawża biex jirkupra l-affarijiet materjali akkwistati minħabba korruzzjoni politika.
Whistleblower Act u finanzjament tal-partit
Kemm il-Prim Ministru kif ukoll Dr Bonnici qalu li l-miżura li jmiss se tkun il-whistleblower act li l-abbozz tagħha se jitressaq fil-parlament daqs tlett ġimgħat oħra, bil-Prim Ministru jħabbar li l-abbozz diġà ġie diskuss darbtejn fil-kabinett.
Dr Muscat qal li t-tneħħija tal-preskrizzjoni u l-whistleblower act huma żewġ saqajn mit-trepied ta’ miżuri li qed jieħu l-Gvern sabiex jibgħat sinjal ċar li fil-politika l-onestà hija imperattiva u l-korruzzjoni politika mhix se tkun tollerata.
Il-Prim Ministru sejjaħ il-liġi dwar il-finanzjament tal-partiti bħala t-tielet sieq tat-trepied ta’ miżuri. Dr. Muscat wera t-tama li qabel is-sajf tibda diskussjoni politika miftuħa dwarha mal-Oppożizzjoni, mal-Alternattiva Demokratika u mas-soċjetà ċivili. Il-Prim Ministru wera t-tama li sa Settembru l-proċess jitlesta. Madankollu l-Prim Ministru saħaq li l-Gvern bl-ebda mod ma jrid jaqta’ saqajn l-Oppożizzjoni anzi jrid jagħtiha l-ħin xieraq biex tagħti r-reazzjoni tagħha.
pr1126a.pdf
pr1126b.pdf
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en