FIDUĊJA FIŻ-ŻGĦAŻAGĦ - IMNEDIJA L-KAMPANJA VOT 16
F’Konferenza tal-Aħbarijiet f’Lukanda f’San Ġiljan is-Segretarju Parlamentari responsabli mill-Kultura u Kunsilli Lokali l-Onor. Jose Herrera vara l-Kampanja Vot 16. Din il-kampanja ser tkun qed tinvolvi sensiela sħiħa t’attivitajiet u sessjonijiet ta’ informazzjoni li fiha ż-żgħażagħ ta’ bejn is-16 u t-18 – il sena ser ikunu l-protagonisti biex f’pajjiżna l-eta tal-votazzjoni għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali tinżel għal 16 –il sena. Din il-kampanja qed titnieda fil-Ġimgħa Ewropea taż-Żgħażagħ fil-proġett Aboard the Citizenship li l-Aġenzija Żgħażagħ qed torganizza matul il-ġimgħa kollha bil-fondi tal-Youth in Action. L-għan prinċipali ta’ din il-ġimgħa hu li nippromovu ċ-Ċittadinanza Attiva, billi nħeġġu liż-żgħażagħ ikunu aktar parteċipi fis-soċjetà kemm lokalment kif ukoll fil-livell Ewropew. Preżenti għall-Konferenza ta’ dalgħodu kien hemm ukoll is-Segretarju Parlamentari responsabli mir-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport l-Onor. Stefan Bountempo.
L-Onor. Stefan Bountempo qal li din l-opportunita ġdida f’pajjiżna ser tħeġġeġ il-parteċipazzjoni u l-involvement dirett liż-żgħażagħ Semma kif il-Gvern qed jaħdem biex id-demokrazijaja f’pajjiżna tiġi mwettqa u prattikata inkluż billi l-Gvern jagħti aktar vuċi liz-żgħażagħ. Is-Segretarju Parlamentari qal li din il-proposta hija importanti għax ser tghin iz-żgħażagħ jkomplu jifformaw l-identita’ tagħhom u wkoll ser sservi ta’ mezz biex huma jiġu imħeġġa jipparteċipaw aktar fid-deċiżjonijiet importanti l-aktar fuq temi li jikkonċernaw direttament lilhom. L-Onor. Stefan Bountempo qal li “b’dan il-proċess informattiv ser inħeġġu aktar żgħażagħ li jkunu parteċipi fis-soċjeta ċivili. Nemmen li dan il-proċess ser ikun ta’ ġid ta’ kif ser titħaddem id-demokrazija f’pajjiżna”, saħaq is-Segretarju Parlamentari responsabli miz-żgħażagħ.
Il-Kampanja Vot 16 qed tlaqqa flimkien diversi entitajiet taħt kumitat ta’ monitoraġġ wieħed imexxi mis-Sur Michael Cohen li huwa l-advisor responsabli mill-Kunsilli Lokali fi ħdan is-Segretarjat Parlamentari. Huwa qal li f’dan il-monitoring committee qed jipparteċipaw Dott. Albert Bell bħala l-Kap tad-Dipartiment taz-Żgħażagħ u l-Komunità, Dott. Andrew Azzopardi - Advisor u Senior Lecturer, Dipartiment taz-Żgħażagħ u l-Komunità, Dott. Marc Sant bħala l-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, il-Kap Ezekuttiv tal-Aġenzija Żgħażagħ Miriam Teuma, Ms. Beverly Saliba bħala rappreżentanta mis-Segretarjat Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport is-Sur Anthony Mifsud f’isem il-Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ u membru mill-Kunsill Nazzjonali taz-Żgħażagħ. Huwa qal li dan il-monitoring committee għandu rwol importanti biex imexxi ‘l quddiem id-diskussjoni f’pajjiżna li trid tinbet dwar il-Vot 16. Is-Sur Cohen qal li l-attivitajiet li hemm pjanati li jsiru bħala parti mill-Kampanja Vot 16 ser jilħqu l-qofol tagħhom f’Novembru li gej meta pajjiżna jiċċelebra l-għoxrin anniversarju mit-twaqqif tal-Kunsilli Lokali. Is-Sur Michael Cohen ħabbar li l-ewwel involviment ta’ din il-ħidma ser tkun laqgħa tal-monitoring committee mal-President tar-Repubblika, il-Prim Ministru kif ukoll il-Kap tal-Oppożizzjoni.
Indirizza l-Konferenza tal-Aħbarijiet is-Senior Lecturer fi hdan id-“Department of Youth and Community Studies” ġewwa l-Universita ta’ Malta Dr Andrew Azzopardi. Huwa qal li t-tama tiegħu hija li d-diskussjoni li ha jkun hawn fil-pajjiz ma tkunx ffukata esklussivament fuq il-kunċett tal-vot imma fuq ħafna aspetti ohrajn li wieħed jista' jislet f' din il-proposta, b’ mod partikolari r-relazzjoni taz-żgħażagħ mal-komunitajiet tagħhom kif ukoll dwar iz-żgħażagħ bħala forza soċjali importanti. “Din fl-opinjoni tiegħi hija l-pjattaforma tad-dibattitu kollu li rridu naraw fix-xhur li gejjin”, tenna Dr Azzopardi.
Huwa qal li din il-proposta tpoggi liz-żgħażagħ (minn 16 –il sena ’l fuq) fuq il-mappa tad-deċiżjonijiet b’ differenza kardinali għaliex id-deċiżjonijiet tal-preżent ha jaffettwaw il-futur tagħhom. Tenna li din il-proposta tagħti messaġġ ċar liz-żgħażagħ li għandhom jaghmlu parti mid-definizjoni ġdida ta' komunita', mill-bżonn li qed jinħoloq li jkun hemm riġenerazzjoni u tibdil kif nifhmu, ngħixu u ninterpretaw il-komunita' - għax b' hekk aħna bħala politiċi, policy makers u akkademiċi inkunu nistgħu nagħtu r-risposti u nerrejaġixxu għal dak li ser naffaċċjaw fis-snin li ġejjin.
Qal li b’din il-prosposta z-żgħażagħ ta’ bejn 16 u 18 –il sena ser isiru parti mill-kostitwenza li l-politiċi jridu jaghtu kaz. Fl-ahhar huwa qal li dan id-dibattitu ser ikun wieħed ferm interessanti għax qed jaghti definizjoni aktar wiesgħa ta' dik li hija demokrazija. Fost kollox, tenna Dr Azzopardi, proposta bħal din ser terga’ tpoggi liz-żgħażagħ fil-kuntest politiku għax f' dawn l-ahhar 10 - 15 -il sena, iz-żgħażagħ tilfu hafna minn dan is-sens t' attivizmu, t' involvement u ta' vuci. Huwa qal li proposta bħal din hija importanti għax biha liz-żgħażagħ ser tghinhom jifformulaw l-identita’ tagħhom, jistaqsu (“lil min ser nivvota u għaliex?”) u li jipprotestaw bil-vot tagħhom. Qal li din il-proposta ser tiggenera katina ta’ proċessi formattivi.
Is-Segretarju Parlamentari Jose Herrera qal li flimkien qed niktbu pagna ġdida fl-istorja ta’ dan il-pajjiz għaliex dan il-proċess ser ikun qed jaghti bidu biex Żgħażagħ ta’ sittax –il sena ma jibqghux fuq il-periferija imma permezz tal-vot taghha jidhlu fic-centru tal-politika. Qal li ftit jiem biss wara li ha l-kariga, fl-ewwel diskors li ghamel bħala segretarju parlamentari responsabli mill-Kunsilli Lokali huwa ħabbar li r-rigal li din l-amministrazzjoni trid taghti lill-Kunsilli Lokali fl-okkazzjoni tal-20 anniversarju tagħhom huwa billi ddahhal din il-proposta li hija fil-programm politiku ta’ dan il-gvern. Huwa qal li dan il-gvern prefera li qabel jimplimenta proposta storika bħal din jisma lill dawk kollha li għandhom xi jgħidu fuq il-vot 16 halli b’hekk tassew nuru l-fiducja taghha fiz-żgħażagħ.
Huwa awgura li l-proċess ta’ diskussjoni jkun wieħed wiesgħa u jesplora l-possibiltajiet kollha li hemm marbuta mal-vot 16. Fakkar li kien il-Kunsill tal-Ewropa stess li f’rizoluzzjoni tat-23 ta’ Gunju 2011 appella lill-istati membri fi ħdanu biex jibdew il-proċess halli jbaxxu l-eta tal-votazzjoni għal dik ta’ 16. Anke l-European Youth Forum f’rizoluzzjoni appella lill-Gvernijiet Nazzjonali u l-Unjoni Ewropeja biex jisimgħu minn dak li qed jgħid il-Kunsill tal-Ewropa u jaħdmu sabiex l-eta tal-votazzjoni tinzel għal sittax –il sena.
Is-Segretarju Parlamentari qal li t-tama tiegħu hija li bi proposta bħal din, id-distakk li jista jezisti bejn l-istituzzjonijiet demokratici u c-cittadini jonqos. “Li qed nghidu ahna b’din il-proposta hija li bħala Gvern qed nirrikonoxxu li d-demokrazzija tiddependi fuq kulhadd, inkluz il-ġenerazzjoni żgħażugħa”, tenna l-Onor. Herrera. Huwa qal li studji juru li hemm korrelazzjoni bejn dak li wieħed jagħmel bil-vot tiegħu meta jkun zghir u dak li jibqa jagħmel bil-vot tiegħu tul il-hajja tiegħu. Għalhekk din il-kampanja hija intiża primarjament li teduka kemm liz-żgħażagħ u anke lil dawk aktar maturi għaliex dawn huma s-sisien li fuqhom qed iserraħ il-pajjiz.
Huwa qal li b’din il-proposta il-politiċi issa jridu jifhmu li ghanhom kostitwenza ġdida li jridu jaghmlu tajjeb għaliha: il-kostitwenza tat-teenagers li bil-vot 16 huma ser jibda jkollhom sehem dirett fil-proċess demokratiku ta’ dan il-pajjiz.
“L-istorja uriet li l-eta tal-maturita’ politika lesta tinbidel. B’dan il-pass storiku dan il-Gvern qed jibghat messaġġ car li ser ikompli jbiddel dan il-pajjiz. Għax nemmnu fiz-żgħażagħ u nemmnu fil-ġenerazzjoni żgħażugħa inkluza dik ta’ taħt it-tmintax –il sena huwa pjaċir kbir tiegħu li llum flimkien qed naghtu bidu għal dan il-proċess l ser iwassal għal bidla storika f’dan il-pajjiz dik li Żgħażagħ ta’ 16 –il jkollhom id-dritt tal-vot fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali”, tenna s-Segretarju Parlamentari.
Għall-Konferenza ta’ dalghodu kien hemm prezenti żgħażagħ li ppartecipaw fil-Kunsill Lokali Żgħażagħ u zghaghzagh ohrajn li qed jiehdu sehem fil-gimgha ddedika ghaz-żgħażagħ. Isegwu din il-Konferenza tal-Ahbarijiet kien hemm workshops immexxija minn Agenzija Żgħażagħ sabiex jiddiskitu u jevalwa is-sehem taz-żgħażagħ fil-Kunsilli Lokali Żgħażagħ kif ukoll f’din il-kampanja.
Prezenti ukoll għal Konferenza tal-Ahbarijiet dalghodu kien hemm id-deputat tal-oppozizzjoni is-Sur Robert Cutajar kif ukoll il-President tal-Assocjazzjoni tal-Kunsilli Lokali Dr. Marc Sant.
Waqt il-konferenza tal-ahbarijiet, li saret ukoll bil-kolaborazzjoni tas-Segretarjat Parlamentari responsabli mir-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport, is-Segretarju Parlamentari Jose Herrera kiteb messaġġ fuq facebook fil-pagna ta' din il-kampanja.
Informazzjoni supplimentari:
Pajjiżi li nnaqsu l-eta tal-vot għal dik ta’ 16 huma l-Awstrija fl-1 ta’ Lulju 2007, il-Ġermanja (7 mis-16 –il stat), in-Noverġja u s-Svizzerra li jistgħu jivvutaw fl-elezzjonijiet lokali ta’ pajjiżhom.
Facebook Page – Vote16 - https://www.facebook.com/vote16malta
Twitter – Vote16malta - https://twitter.com/Vote16malta
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en