M’GĦANDNIEX NESKLUDU S-SEHEM TAS-SETTUR PRIVAT FIL-KUMPANIJA WASTESERV – L-ONOR. LEO BRINCAT, MINISTRU GĦALL- IŻVILUPP SOSTENIBBLI, AMBJENT U TIBDIL FIL-KLIMA
Waqt laqgħa mal-ogħla uffiċjali tal-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija, il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Leo Brincat qal li m’għandniex neskludu s-sehem tas-settur privat fil-kumpanija WasteServ. Dan għalkemm prijorità bħalissa hija li jkun hemm regolatur aktar effettiv fil-qasam tal-immaniġġjar tal-iskart.
Fil-laqgħa, li saret fl-uffiċini tal-Kamra tal-Kummerċ fuq stedina tagħhom stess, il-Ministru Brincat qal li għalkemm l-istrateġija antika użata kienet tipprovdi għal sehem akbar mill-privat, sa issa jidher li ġara bil-maqlub.
Huwa ħabbar li r-rapporti li ġew kummissjonati mill-Ministeru tiegħu huma intiżi biex joħorġu b’rakkomandazzjonijiet prattiċi għall-bord tad-diretturi tal-kumpanija ħalli jkun hemm aktar trasparenza u effiċjenza fl-operat tal-WasteServ.
Il-Ministru Brincat żvela kif minn rapport kummissjonat mill-Ministeru tal-Finanzi fl-ammistrazzjoni ta’ qabel, irriżulta li l-WasteServ imxiet f’direzzjoni totalment opposta għal dak li kien ġie propost f’dan ir-rapport, li ta ħarsa sew lejn it-tnaqqis tal-ispejjeż fl-operat tal-kumpanija.
Brincat qal li fejn jidħol immaniġġjar tal-iskart il-livell ta’ tħejjija li sab kien wieħed inadegwat u dan meta suppost l-pjan nazzjonali għall-immaniġġjar tal-iskart għandu jitlesta sa tmiem dis-sena. Spjega li bħalissa jinsab fi stadju fejn inħatar team tekniku ħalli jfassal b’mod ħolistiku strategic review u pjan nazzjonali għall-immaniġġjar tal-iskart.
Qal li l-Gvern huwa determinat li jagħti ħarsa kritika lejn l-Eko-kontribuzzjoni biex din titħaddem b’mod flessibbli u ma tkomplix tmur kontra l-ispirtu li twaqqfet bih u għalih. L-istess jgħodd għas-sistema tal-WEEE dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku li għadha fi stat ta’ limbu. Il-Ministru Leo Binrcat qal li kif inhuma l-affarijiet illum dawk li qegħdin jonoraw l-obbligi tagħhom dwar riċiklaġġ m’humiex jieħdu dak li ħaqqhom.
Dwar il-Green Jobs il-Ministru Brincat qal li qed jaħdem flimken mal-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Impjiegi biex titfassal strateġija proattiva u realistika, għaliex sal-lum minkejja li kienu ġew stabbiliti miri ta’ kemm kellhom jinħolqu green jobs, kien hemm aktar referenza għalihom fid-dokumenti ta’ qabel il-Budget (pre-budget consultation documents) milli fil-Budgets infushom.
Fejn jidħol tibdil fil-klima u żvilupp sostenibbli l-Ministru Brincat qal li jemmen f’involviment aktar dirett mill-istakeholders infushom. Huwa qal li huwa dnub li regolamenti dwar effiċjenza fl-enerġija fil-bini sa jssa ma tħaddmux kemm suppost.
Qal li billi jidher li l-Emission Trading Schemes jinħtieġu riforma strutturali, anke biex jintbagħat sinjal ċar lill-investituri lil hinn mis-sena 2020, hemm bżonn li flimkien mal-Ministeri konċernati tittieħed pożizzjoni ċara bħala pajjiż għaliex jekk uzatha tajjeb din taf tkun għodda tajba fil-mixja lejn il-finanzjament tal-Ekonomija l-Ħadra.
Finalment il-Ministru Leo Brincat wiegħed aktar konsultazzjoni mal-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriza u l-Industrija dwar oqsma li jaqgħu taħthom. Biss qal li prijorità tal-Gvern u li żgur għandhom jaqblu magħha l-istess Kamra tal-Kummerċ hija li jkun hemm audit trails aktar effettivi, anke fis-sistemi tal-ġbir tal-iskart fuq livell ta’ Kunsilli Lokali u ġbir ta’ data, ħalli ċerti landfill fees li huma intiżi biex jinkoraġixxu s-separazzjoni tal-iskart ma jiġux skartati minn min moħħu biex jikser il-liġijiet tal-pajjiż.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en