L-ONOR ANTON REFALO, MINISTRU GĦAL GĦAWDEX, JAGĦMEL ŻJARA LIL THE MAGRO FOOD VILLAGE TA’ MAGRO BROTHERS LTD.
Waqt żjara li l-Ministru għal Għawdex, l-Onor Anton Refalo għamel dalgħodu lil The Magro Food Village, huwa ġie milqugħ mid-Direttur Maniġerjali ta’ Magro Brothers (Foods) Limited, is-Sur John Magro. Il-Ministru ġie muri preżentazzjoni viżiva dwar il-kumpanija Magro Brothers li ilha titmexxa mill-familja Magro għal erba’ ġenerazzjonijiet.
Is-Sur John Magro, akkumpanjat minn ħuh Michael u ibnu Christian, it-tnejn diretturi tal-kumpanija, dawwru lill-Ministru madwar l-uffiċċji u l-fabbrika. Waqt iż-żjara l-Ministru Refalo kellu l-okkażjoni li jammira u josserva l-prodotti tal-marka ‘Savina’ b’mod partikulari ikel Malti waqt li kien qed jiġi preparat kif ukoll kienet okkażjoni sabiħa fejn ltaqa’ u tkellem mal-ħaddiema.
Wara saret laqgħa mad-Diretturi fejn il-Ministru ġie infurmat li din il-kumpanija timpjega 135 persuna kif ukoll għandha numru konsiderevoli ta’ servizzi kkummissjonati lill-kumpaniji lokali. Ta’ min jammira l-fatt li din il-kumpanija tikkommissjona liċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum Santa Marta, fejn persuni bi bżonnijiet speċjali jippakkjaw il-prodotti b’mod regolari. Is-Sur Magro stqarr ukoll li sas-sena 2014, il-kumpanija Magro Brothers ser toħroġ fis-suq varjetà ġdida ta’ prodotti.
Il-Ministru min-naħa tiegħu rringrazzja u faħħar lill-Magro Brothers għall-ħidma u l-impenn tagħhom favur l-Għawdxin u l-Maltin kif ukoll b’risq il-kommunità internazzjonali. Huwa awguralhom kull suċċess u filwaqt li wegħdhom l-assistenza u s-sapport massimu tiegħu, ħeġġeġ sabiex aktar Għawdxin jimxu fuq l-eżempju ta’ dawn l-aħwa li matul is-snin irnexxielhom ikabbru l-ekonomija ta’ art twelidhom.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en