L-ONOR. MICHAEL FARRUGIA, SEGRETARJU PARLAMENTARI GHALL-IPPJANAR U S-SIMPLIFIKAZZJONI AMMINISTRATTIVA, INIEDI L-HEIGHT ADJUSMENT POLICY
Lukandi li jinsabu f’żoni turistiċi se jkunu jistgħu jgħollu b’żewġ sulari minn dak stabbilit fil-Pjan Lokali. Dan bil-għan li jiġu akkomodati iktar turisti f’żoni diġà eżistenti għat-turiżmu.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet il-Ħamis filgħodu qrib lukanda ewlenija fil-Qawra, is-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u s-Simplifikazzjoni Amministrattiva Dr Michael Farrugia nieda policy ġdida bl-isem ta’ Height Adjusment Policy, intiża għal dawk il-Lukandi li jinsabu f’żoni Turistiċi u li jixtiequ jespandu u li sal-lum ma jistgħux skont il-policies preżenti.
Il-Height Adjustment Policy taċċenna illi fil-każ ta’ lukandi fejn fis-sit tħallew open areas, sabiex jiġu akkomodati attrezzi bħal open areas, ġonna u swimming pools, il-volum li jista’ jiġi akkomodat skont il-Pjan Lokali f’dik l-open area ikun jista’ jiġi akkomodat fl-istess sit anke jekk dan ikun ifisser li jiżdiedu sulari addizzjonali minn dawk stabbiliti fil-pjan lokali.
Skont din il-policy, l-ammont ta’ sulari addizzjonali li l-MEPA se tkun qed tikkonċedi ma jistax ikun iktar minn żewġ sulari minn dak li hu diġa stabbilit fil-Pjan Lokali. Fl-istess ħin, bdejna diversi studji li jolqtu ħafna lis-settur tal-kostruzzjoni u li għalihom inħossu li għandhom jiġu riveduti jew introdotti policies oħrajn, fosthom ukoll fis-settur turistiku.
Importanti jiġi enfasizzat li din il-policy tistipula ‘further tourist accomodation’ f’żoni diġà eżistenti skont dak provdut fil-Pjan ta’ Struttura, peress li dan ta’ l-aħħar jippromwovi estensjonijiet u upgrading ta’ lukandi li diġà jeżistu.
L-Onorevoli Farrugia qal illi din il-policy se tkun limitata għal-lokalitajiet li jissemmew espressament fil-policy TOU 4 tal-Pjan Strutturali. Dawn huma l-Mellieħa, San Pawl il-Baħar, Buġibba, San Ġiljan, Paceville, Ta’ Sliema, Marsascala, Marsaxlokk u Birżebbuġa.
Ma’ dawn iż-żoni jikkwalifikaw ukoll dawk iz-zoni li jaqgħu taħt it-Tourism and Entertainment Priority Area fil-pjan lokali.
Kull min japplika għal din l-estensjoni ma jridx ikun f’siti ta’ Urban Conservation Area, Residential Priority Area jew ODZ (outside development zone).
Dr Farrugia żied jgħid illi l-proposti jeħtieġ li jkunu approvati wkoll mill-Awrotità tat-Turiżmu, l-MTA. Kull żviluppatur illi japplika għal estensjoni fejn mhuwiex possibli li jiġi provdut parkeġġ, għandu jindika skemi alternattivi kif it-traffiku jista’ jkun immaniġjat. Dan isir b’konsultazzjoni ma’ Transport Malta.
Michael Farrugia qal illi dan kollu qed isir fid-dawl tar-realtajiet emerġenti, fejn is-suq turistiku huwa suġġett għal sfidi kbar u kompetizzjoni qawwija. Għaldaqstant, il-gvern iħoss il-ħtieġa li jiffaċilità u jissimplifika l-policies tal-ippjanar li jirregolaw dan is-settur, bil-għan li l-prodott turistiku jirrendi ruħu u jkun aktar vijabbli u kompettitiv. Dan qed isir bil-għan li l-ekonomija ta’ pajjiżna tikber aktar.
Waqt l-istess konferenza tal-aħbarijiet is-Segretarju Parlamentari Michael Farrugia qal ukoll illi il-kampanja ‘Semma Leħnek’ li kienet imnedija fil-bidu ta’ Mejju se tkun estiża għal ġimagħtejn oħra. Dan qed isir minħabba d-domanda sostanzjali li kien hemm minn għand il-pubbliku biex jgħaddi is-suġġerimenti tiegħu. B’hekk il-kampanja Semma’ Leħnek issa se tagħlaq fl-10 ta’ Ġunju 2013, fejn il-pubbliku jista’ jibgħat is-suġġerimenti tiegħu dwar il-MEPA fuq riformamepa.opm@gov.mt.
Il-Ministru għat-Turiżmu l-Onor. Karmenu Vella qal li din l-inizjattiva se tħalli impatt pożittiv fuq is-settur turistiku fejn fost l-oħrajn għandha l-għan li żżid il-profitabilità fis-settur.
Semma’ kif preżentament pajjiżna għandu mat-38,000 sodda mifruxa fuq total ta’ 190 lukanda differenti fil-livelli kollha. Dan apparti numru sostanzjali ta’ sodod f’appartamenti self catering. Qal li huwa stmat li b’żieda ta’ żewġ sulari oħra, lukanda tista’ żżid in-numru ta’ sodod b’rata ta’ bejn 25 u 30%.
Din l-inizjattiva se tippermetti wkoll li jsir investiment mill-ġdid fil-lukandi billi jsir upgrading fin-numru ta’ sodod qal il-Ministru Vella.
Saħaq li biex lukanda tkun tista’ tikkwalifika minn din l-iskema se jkun hemm bżonn l-approvazzjoni tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu filwaqt li f’każ ta’ talba għal bidla fl-użu tas-sit, l-operatur se jkun obbligat li jneħħi s-sulari żejda li jkun ingħatawlu taħt din il-policy.
Waqt l-istess konferenza tal-aħbarijijet tħabbar kif hemm mat-tliet lukandi li diġà urew interess filwaqt lil oħrajn qed jagħmlu l-evalwazzjoni tagħhom.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en