XOGĦOL TA’ RESTAWR FUQ IL-KNISJA PARROKKJALI TA’ SAN BASTJAN
Dalgħodu l-Onor. Josè Herrera, Segretarju Parlamentari għall-Kultura u Gvern Lokali żar ix-xogħol ta’ restawr li qed isir fuq il-Knisja Parrokkjali ta’ San Bastjan.
Ix-xogħol ta’ restawr fuq il-faċċati qiegħed isir mill-ħaddiema tad-Direttorat tar-Restawr fi ħdan is-Segretarjat Parlamentari għall-Kultura u Gvern Lokali taħt id-direzzjoni tal-Perit Hermann Bonnici. Is-Segretarju Parlamentari faħħar dan ix-xogħol li qed isir mill-ħaddiema tal-gvern.
Ix-xogħol ta’ restawr inbeda f’Marzu ta’ din is-sena u mistenni jieħu madwar sena biex jitlesta.
Waqt żjara, li s-Segretarju Parlamentari għamel fuq il-post ġie spjegat lilu x-xogħol li qed isir fuq il-faċċati tal-knisja li għandhom diversi ħsarat u li fil-parti l-kbira tagħhom ġew ikkawżati minn gassijiet li nsibu fid-dħaħen kif ukoll mill-elementi naturali.
Mill-investigazzjoni li saret irriżulta li s-swidija, li hemm taħt il-gwarniċi u l-gwarniċuni, hija fil-parti l-kbira kkawżata mill-ossidu sulforiku (sulphur dioxide) li nsibu fid-dħaħen. Dan integra mal-ġebla u fforma lega ħoxna ta’ kulur iswed li tagħmel ħafna ħsara lill-ġebla. F’partijiet oħra tal-faċċata hemm lega ta’ ħażiż (algae) li tagħti dehra sewdenija lill-ġebla. Fil-partijiet ta’ fuq tal-knisja l-iktar fejn jaqbel ir-riħ, hemm ukoll diversi ħsarat li ġew ikkawżati minħabba l-kristallizzazzjoni tal-melħ. Dan il-proċess kkawża t-tmermir tal-ġebla bil-konsegwenza li ntilfu ħafna mid-dettalji arkitettoniċi. Irriżulta wkoll li wieħed mill-kampnari tal-knisja għandu wkoll problemi strutturali li jridu jiġu indirizzati.
Ġie ukoll spjegat lis-Segretarju Parlamentari li x-xogħol kollu ta’ restawr li qiegħed isir fuq din il-knisja huwa wieħed delikat ħafna fejn qegħdin jintużaw mezzi u materjali li jiggarantixxu li ma ssirx ħsara lill-bini. Il-ħmieġ qiegħed jitneħħa minn fuq il-ġebla permezz ta’ broxkijiet żgħar tan-nylon filwaqt li ħmieġ iktar iebes qiegħed jitrattab permezz ta’ impakki tal-karta li jiġu applikati fuq il-ġebla.
L-uffiċjali inkarigati li qed jagħmlu dan ix-xogħol qalu li dan l-intervent imbagħad jitkompla billi wara li jitrattab il-ħmieġ dan jitneħħa b’paċenzja kbira mill-ħaddiema tad-Direttorat tar-Restawr permezz ta’ surgical knives. Il-fili kollha miftuħin qegħdin jitkaħħlu mill-ġdid b’tajn magħmul mill-ġir biex ma jagħmilx ħsara lill-ġebla.
Is-Segretarju Parlamentari qal li x-xogħlijiet kollha ta’ restawr qegħdin isiru skont prassi internazzjonali ta’ restawr u qed tingħata kull attenzjoni biex kull intervent ikun riversibbli. Huwa qal li sal-lum tlesta x-xogħol fuq l-ewwel fażi ta’ dan il-proġett u nbeda x-xogħol fuq it-tieni fażi li jinkludi l-faċċata kif ukoll il-kampnar tan-naħa tax-xellug tal-knisja.
Sfond Storiku
Fl-1873 l-Isqof Pace Forno ħareg digriet sabiex tinbena knisja żgħira ddedikata lil San Bastjan fil-viċinanzi ta’ statwa tal-qaddis li kienet saret bħala ringrazzjament wara li Malta nħelset mill-pesta tal-1813. Fl-1880 il-bini tal-knisja beda taħt is-supervisjoni ta’ l-arkitett Ġuzeppi Borg imlaqqam ‘tal-Lira’. Il-Knisja damet għaxar snin biex tinbena peress li ma kienx hemm biżżejjed flus. Kienet imbierka fid-disgħa ta’ Marzu 1890 minn Mons. Ġużeppi Mercieca vikarju tal-isqof Pietro Pace, fil-preżenza tal-kappillan ir-Reverendu Manuel Pace. L-iktar li jispikkaw fil-knisja huma l-kampnari. Inbnew fuq angolu ta’ 45° mal-faċċata peres li l-knisja qiegħda f’kantuniera bejn żewġ toroq. Dan jagħti sens ta’ kontinwità lill-faċċata mal-ġnub tal-knisja. Il-faċċata hija maqsuma fi tliet sezzjonijiet orizzontali u mibnija fuq tliet ordnijiet klassiċi , Kompost, Korintu u Ioniku.
Għalkemm kien hemm il-ħsieb li l-knisja jkollha koppla, dan qatt ma seħħ, probabbilment minħabba nuqqas ta’ fondi.
Fl-1905 numru ta’ benefatturi li kienu jgħixu viċin tal-knisja taw arloġġ biex jiġi installat fil-kampnar tax-xellug. Dan l-arloġġ sar minn Giuseppe u Lorenzo Suban mill-Birgu u għadu jaħdem tajjeb sal-lum.
Il-knisja saret parroċċa sekondarja fl-1918, meta l-Arċisqof Maurus Caruana ffirma d-digriet fid-dsatax ta’ Ġunju, u mbagħad saret parroċċa fl-1936.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en