L-ONOR. GODFREY FARRUGIA, MINISTRU GĦAS-SAĦĦA, JINDIRIZZA L-ASSEMBLEA DINJIJA GĦAS-SAĦĦA U L-LAQGĦA TAL-MINISTRI GĦAS-SAĦĦA TAL-COMMONWEALTH F’ĠINEVRA, L-IŻVIZZERA
Il-Ministru għas-Saħħa, l-Onor. Godfrey Farrugia indirizza s-Sitta u Sittin Plenarja tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa li saret it-Tlieta 21 ta’ Mejju f’Ġinevra, l-Iżvizzera.
Fid-diskors tiegħu l-Ministru Farrugia enfasizza li Malta temmen li fl-aġenda dinjija, s-saħħa hija dritt u għandha tkun iffukata lejn l-individwu b’mod ħolistiku, b’enfasi fuq id-dritt tal-ħajja u d-dritt li kulħadd għandu jieħu l-istess livell ta’ kura. Dan għandu jsir fuq l-għemil ewlieni ta’ ugwaljanza, sostenibbiltà u aċċessibbiltà.
Waqt din iż-żjara, l-Ministru Farrugia ltaqa’ mad-Direttur Reġjonali tal-WHO għall-Ewropa Ms. Zsuzsanna Jakab, u matul din il-laqgħa ddiskutew fost l-oħrajn il-proposti tekniċi u assistenza li se tagħti l-WHO u li għandhom jiġu annessi fil-Bilateral Collective Agreement 2014-2015. Ms. Jakab tkellmet ukoll mal-Ministru Farrugia dwar it-tnejn u sittin sessjoni tal-Kumitat Reġjonali li se ssir f’Izmir, it-Turkija u li l-Ministru għas-Saħħa Malti, Godfrey Farrugia huwa l-President tagħha.
Il-Ministru Farrugia ltaqa’ wkoll mal-Ministri għas-Saħħa Ewropej fuq stedina tal-Ministru għas-Saħħa tal-Litwanja, li se tieħu l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea fit-terminu li jmiss.
Waqt din il-laqgħa ġiet diskussa l-pożizzjoni ta’ Malta dwar id-direttivi tal-Unjoni Ewropea tat-tabakk, ir-riċerka xjentifika fl-oqsma varji tas-saħħa u s-sostenibbiltà tas-servizzi tas-saħħa.
Laqgħa oħra saret mal-Ministru għas-Saħħa tat-Turkmenistan li se jilqa’ Konferenza Ministerjali dwar l-isfida li l-kura tas-saħħa qed taffaċċja fejn jidħol mard kroniku.
F’Ġinevra wkoll il-Ministru Farrugia kien wieħed minn erba’ Ministri li ffurmaw il-panel ewlieni ta’ kelliema li ndirizza il-laqgħa tal-Ministri għas-Saħħa tal-Commonwealth, li kienet tiffoka dwar is-saħħa mentali.
Malta ħadet sehem attiv ukoll biex jiġi ppreparat id-dokument finali ta’ din il-laqgħa, li għandu jintuża fil-laqgħa tal-Kapijiet tal-Istat tal-Commonwealth li għandha ssir f’Novembru li ġej.
Il-Ministru Farrugia ħa l-okkażjoni biex jiltaqa’ ma’ diversi uffiċjali Maltin li jaħdmu fid-diversi aġenziji internazzjonali tas-saħħa li huma stazzjonati f’Ġinevra u f’Copenhagen li attendew għal dawn il-laqgħat.
pr1056a.pdf
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en