DISKORS MIL-ONOR. DR. JOSE’ A. HERRERA, SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦALL-KULTURA U GVERN LOKALI, FL-OKKAŻJONI TAL-JUM MARITTIMU EWROPEW
Heritage Malta qiegħda tiftaħ il-bibien tagħha llum ġewwa l-Mużew Marittimu sabiex tiċċelebra flimkien ma’ entitiajiet oħra l-Jum Marittimu Ewropew. Ftit tal-ħin ilu, ġewwa l-Belt Kapitali tagħna, ġew varati sensiela ta’ attivitajiet li ser jiġu organizzati matul dawn il-jumejn li ġejjin u li eventwalment iwassluna għall-konferenza internazzjonali mill-aktar presitġjuża li din is-sena se ssir ġewwa pajjiżna. Tajjeb illi nfakkru illi din il-konferenza qiegħda tittella’ mill-Gvern ta’ Malta kif ukoll mill-Kummisjoni Ewropea.
Inizzjattivi bħal dawn huma importanti għaliex filwaqt li l-kuntest ta’ din il-konferenza huwa l-iżvilupp tal-kosta u turiżmu marittimu sostenibbli, dan nistgħu nixduh permezz tal-firxa ta’ attivitajiet li qegħdin jiġu organizzati. Il-Mużew Marittimu fih innifsu mhux biss huwa attrazzjoni li permezz tiegħu jiġbed numru ta’ turisti fis-sena iżda huwa wkoll evidenza tal-wirt kulturali marittima ta’ pajjiżna. Tista’ tgħid li mill-Preistorja sa llum il-ġurnata, l-istorja ta’ Malta dejjem kienet dipendenti fuq il-Ħajja konnessa mal-baħar. Heritage Malta, matul dawn l-aħħar snin investiet bil-kbir sabiex tiżviluppa mużewijiet bħal dan sabiex tkun xiehda importanti ta’ din l-istorja rikka. Ghalhekk saru investimenti u qed isiru proġetti sabiex ikomplu jtejbu kemm l-interpretazzjoni kif ukoll tikber il-footprint ta’ dan is-sit. Attivitajiet bħal tal-lum ifakkruna li l-interpretazzjoni ta’ dan il-wirt ma jieqafx biss ma l-esebiti iżda huwa importanti li permezz tal-element kreattiv isiru modi differenti ta’ interpretazzjoni li tgħaqqad l-element edukattiv ma’ dak ta’ divertiment. Li tiekol ikel imsajjar fuq riċetti ta’ żmien il-Kavallieri nistgħu nesperjenzaw l-istorja minn aspett kompletament differenti. Attivitajiet bħal dawn iservu ukoll sabiex il-pubbliku inġenerali jista’ japprezza proġetti li normalment ma jkunux fil-mira tal-media u li f’okkażjonijiet bħal dawn jista’ joħroġ fid-deher ix-xogħol siewi li qiegħed isir.
Fl-aħħarnett, ta’ min ifakkar ukoll li din hija okkażjoni oħra li l-Gvern qiegħed iżomm il-wegħda li għamel mal-poplu li kemm jista’ jkun jiftaħ l-aċċess b’xejn għal kulħadd. L-aħħar okkażjoni ta’ dan it-tip li saret din fuq skala nazzjonali kien hemm rispons qawwi mill-pubbliku fejn aktar minn ħamsa u tletin elf persuna żaru dawn is-siti u l-mużewijiet.
Min-naħa tagħna nieħdu din l-okkażjoni biex inkomplu nħeġġu lill-kulħadd li jilqgħu dawn l-opportunitajiet sabiex isiru jafu aktar dwar il-wirt li għandna madwarna – wirt li jtina l-opportunità li nifhmu l-ġrajjiet ta’ niesna u li fl-aħħar mill-aħħar jagħmilna ġens rikk.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en