IL-KUNĊETT TAD-DIVERSITÀ FIL-QASAM TAT-TURIŻMU
Dalgħodu l-Ministru għat-Turiżmu l-Onor. Karmenu Vella inawgura uffiċjalment festival dwar id-diversità fil-qasam turistiku msejjaħ Diversity in Tourism Festival li qed jittella’ fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi f’San Ġiljan.
Il-festival li huwa mifrux fuq tliet ijiem jagħmel parti minn proġett tal-Unjoni Ewropea li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) daħlet għalih bil-għan li żżomm u tattira persuni fit-turiżmu fil-ġestjoni tad-diversità.
Akkumpanjat mill-Kap Eżekuttiv tal-MTA Josef Formosa Gauci, miċ-Chairman tal-ITS Dr. Ernest Azzopardi u minn uffiċjali għolja tal-ITS, il-Ministru Karmenu Vella ddawwar mal-istands differenti fejn tkellem mal-istudenti kollha li ħolqu proġetti fuq temi relatati mal-qasam turistiku u li jinkludu fost l-oħrajn l-ospitalità, l-ikel, l-użu tal-inbid u l-birra, u l-iġjene fl-ikel. L-istudenti tkellmu mal-Ministru għat-Turiżmu u spjegaw l-ideat u l-kunċetti wara dak li kienu qed itellgħu.
F’indirizz li għamel lil grupp ta’ studenti mill-iskejjel sekondarji li kienu qed jattendu waħda mis-sessjonijiet ta’ dan il-festival, il-Ministru Karmenu Vella ddeskriva l-kunċett tad-diversità bħala sfida u qal li llum il-ġurnata kull pajjiż iħares lejn id-diversità bħala xi ħaġa li tghaqqad. Semma’ kif id-diversità hija kunċett wiesa’ li tinkludi fost l-oħrajn it-taħlita fil-kultura, it-tradizzjonijiet, il-lingwa, l-istorja, il-patrimonju kulturali u l-ikel. “Id-diversità hija opportunità li tista’ tgħaqqad” qal il-Ministru Vella fejn saħaq li meta wieħed jiċċelebra d-diversità jkun qed ikabbar il-progress.
Karmenu Vella fakkar kif it-turiżmu huwa settur mill-aktar importanti għall-ekonomija Maltija fejn kien l-istess settur li fil-passat għen biex l-ekonomija Maltija tkun tista’ tiddiversifika ruħha. Filwaqt li ħeġġeġ lill-istudenti preżenti biex ikomplu bl-istudji tagħhom, il-Ministru Vella temm jgħid li ż-żgħażagħ għandhom rwol importanti f’dan il-qasam hekk kif iridu jkunu huma li jibnu għall-futur.
Is-sessjoni kompliet permezz ta’ video forum li ttratta t-tema ta’ cross cultural communication fis-settur turistiku, ieħor dwar opportunitajiet indaqs flimkien ma’ sessjoni ta’ food tasting. Temi oħra li mistennija jkunu esplorati waqt dan il-festival jinkludu ugwalità fl-industrija turistika, l-integrazzjoni ta’ persuni b’diżabilità fit-turiżmu, testimonjanzi ta’ persuni li diġà għandhom karriera fit-turiżmu u d-diversità f’setturi differenti fil-qasam turistiku b’mod partikoalri fejn tidħol ospitalità, vjaġġar u divertiment.
Dan il-festival huwa miftuħ mhux biss għal studenti mill-iskejjel sekondarji imma wkoll dawk f’livelli post sekondarju, terzjarju, għaqdiet mhux governattivi u persuni li diġà għandhom karriera fit-turiżmu.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en