NAGĦTU L-AQWA POSSIBILTAJIET BIEX L-ANZJANI JIBQGĦU ATTIVI FIS-SOĊJETÀ
L-anzjani għandhom rwol importanti f’pajjiżna u huwa għalhekk li dan il-Gvern qiegħed jaħdem ħalli jkollhom l-aħjar possibiltajiet biex ikomplu jgħixu u jintegraw aħjar lilhom infushom fis-soċjetà.
Dan sostnih is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà u l-Anzjanità Attiva Franco Mercieca meta flimkien mas-Sinjura Michelle Muscat qassam għadd ta’ midalji lill-parteċipanti li ħadu sehem fil-Jum Sports għall-Anzjani 2013 fil-kumpless sportiv ta’ Kordin.
L-Onor. Segretarju Parlamentari ħeġġeġ lill-anzjani biex jibqħu attivi f’ħajjithom anke wara li jirtiraw mix-xogħol bil-għan li jkollhom l-aħjar kwalità tal-ħajja possibbli. Huwa żied jgħid li l-Gvern qiegħed jaħdem fuq strateġija nazzjonali biex l-anzjani jibqgħu dejjem aktar attivi.
Dr. Mercieca tenna l-impenn tal-Gvern li jibqa’ jinkoraġġixxi u jikkollabora f’attivitajiet sportivi bħal dawk li ttellgħu llum bil-għan li l-anzjani jibqgħu attivi u jikkontribwixxu fis-soċjetà.
Min-naħa tagħha, is-Sinjura Michelle Muscat awgurat lill-anzjani biex jibqgħu attivi waqt li ħeġġithom biex jibqgħu jżommu l-istess pożittività f’ħajjithom li wrew f’dawn l-attivitajiet anke meta jmorru lura lejn djarhom.
Huma faħħru lil dawk kollha involuti f’din l-attività għall-impenn u d-dedikazzjoni li juru mal-anzjani f’ħidmiethom.
Fl-attivitajiet ta’ dalgħodu ħadu sehem mat-300 anzjan li jattendu fiċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum fejn ipparteċipaw f’diversi kompetizzjonijiet. Flimkien magħhom ħadu sehem ukoll mal-400 student/a minn diversi skejjel b’etajiet varji fejn appoġġjaw l-anzjani mill-ibliet u l-irħula tagħhom.
Ir-rebbieħa kienu l-anzjani miċ-Ċentru tal-Anzjani tal-Mellieħa, segwiti minn dawk tas-Siġġiewi u Ħal Qormi.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en