KWART TA’ MILJUN EWRO FONDI MILL-UE NTILFU MINĦABBA NUQQAS TA’ SERJETÀ
Il-Gvern se jara li, mal-ewwel opportunità, terġa’ titressaq quddiem l-Unjoni Ewropea applikazzjoni għal madwar kwart ta’ miljun ewro f’fondi li l-Unjoni rrifjutat lil Malta lejn tmiem is-sena l-oħra minħabba li ma saritx bis-serjetà.
Dan ħabbru s-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Kultura, Stefan Buontempo, waqt li kien qed jiġi intervistat fil-programm TVAM fuq TVM. Huwa tkellem dwar kif proġett biex it-tisħin taż-żewġ pixxini tal-kumpless sportiv f’Tal-Qroqq jibda jsir b’teknoloġija iġded, aktar effiċjenti u li tniġġes inqas, spiċċa kellu jiġi abbandunat għax min kien responsabbli biex iressqu quddiem l-UE biex tapprovah u tgħin fil-finanzjament tiegħu ma mexiex skont il-proċedura stabbilita u magħrufa. Minħabba f’hekk, l-UE skwalifikat l-applikazzjoni u Malta tilfet eluf kbar ta’ ewro li setgħet kisbet faċilment mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.
Il-pixxini ta’ Tal-Qroqq jissaħħnu bejn tmiem Settembru u tmiem Mejju biex jibqgħu l-ħin kollu b’temperatura ta’ bejn is-26.5 u s-27 grad Celsius. Dan it-tisħin isir permezz ta’ bojler li jaħdem bid-diżil u li, minħabba li t-teknoloġija tiegħu hija antika, jipproduċi livell għoli ta’ gassijiet b’effett ta’ serra. Għat-tisħin tal-pixxini, il-Gvern jonfoq madwar nofs miljun ewro fis-sena. Bil-proġett li spiċċa rrifjutat mill-UE, kien hemm il-ħsieb li tiddaħħal teknoloġija ġdida li tuża l-enerġija b’mod aktar effiċjenti u li tnaqqas sostanzjalment l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra. Dan kien iwassal biex jiġu ffrankati eluf kbar ta’ ewro fis-sena li setgħu jintużaw biex jissaħħaħ il-qasam sportiv.
Dr Buontempo qal ukoll li beda attivament ix-xogħol biex tibda titwettaq il-wegħda elettorali tal-Gvern li l-kumpless tal-pixxina ta’ Tal-Qroqq jingħata ħajja ġdida wara li matul is-snin tħalla jspiċċa fi stat dilapidat. F’inqas minn xahar se jkun lest rapport dwar il-kundizzjoni tal-faċilitajiet kollha f’dan il-kumpless, u immedjatament wara jitfassal programm ta’ ħidma biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet. Huwa qal li s-sitwazzjoni bħalissa hija ħażina ħafna, b’doċċi abbandunati għax jekk jintużaw l-ilma minnhom jispiċċa fl-impjant tat-tisħin tal-pixxina; bl-art ta’ madwar il-pixxina li faċli tagħtik gambetta, b’madum nieqes u b’partijiet mdaqqsin imraqqgħin bis-siment; b’tagħmir li ma jiffunzjonax, imkisser jew fi stat ħażin ħafna; b’nuqqas ta’ manutenzjoni u stat ta’ telqa f’ċerti partijiet; b’barrieri perikolużi għat-tfal u nuqqas ta’ aċċess faċli għall-persuni bi problemi ta’ mobbiltà f’partijiet bħall-klinika. Dan kollu jfisser periklu u inkonvenjenza kemm għall-għawwiema u għal min juża l-faċilitajiet tal-pixxina kif ukoll għall-ispettaturi tal-partiti tal-waterpolo u tal-kompetizzjoni.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en