DISKORS TAL-MINISTRU GĦAS-SAĦĦA FL-OKKAŻJONI TAL-MOVE FOR HEALTH DAY 2013 - SKOLA PRIMARJA ST. NICHOLAS, RABAT
Fl-okkażjoni tal-Ġurnata għall-attività fiżika, li tiġi ċċelebrata llum fuq rakkomandazzjoni tal-Għaqda Dinjija għas-Saħħa, il-Ministru għas-saħħa, l-Onorevoli Godfrey Farrugia żar l-attivitajiet marbuta ma’ dan il-jum li saru fl-Iskola Primarja St. Nicholas tar-Rabat.
Għal din l-okkażjoni l-Ministru Farrugia tkellem mat-tfal dwar l-importanza tal-eżerċizzju fiżiku.
Meta indirizza l-ġurnalisti, l-Ministru Farrugia qal li kull sena fl-10 ta’ Mejju Malta wkoll ħadet din l-inizzjattiva tal-ġurnata għall-attività fiżika għaliex il-gvern Malti huwa determinat li jibqa’ joħloq ambjenti lokali li jiffavorixxu s-saħħa.
Huwa qal li għalhekk din il-ġurnata hija importanti għaliex permezz tagħha nħeġġu lill-poplu Malti u Għawdxi biex jaddotta stil ta’ ħajja li toffri biżżejjed attività fiżika, filwaqt li jnaqqas il-ħin ta’ bla eżerċizzju fiżiku u b’hekk inħarsu aktar is-saħħa u l-kwalità tal-ħajja.
Id-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard f’dawn l-aħħar snin qed jaħdem b’entużjażmu u bla waqfien biex iżid l-għarfien dwar stili ta’ ħajja tajba li twassal għal titjib ta’ saħħa fiżika u mentali.
Din il-kampanja qed tingħata l-importanza meħtieġa minħabba li l-obeżità hija waħda mill-isfidi li għandna quddiemna bħalissa. Dan minħabba li r-rata ta’ l-obeżità fost it-tfal u l-adulti f’pajjiżna hija fost l-ogħla fl-Ewropa.
Din hija kawża ta’ stil ta’ ħajja b’nuqqas ta’ eżerċizzju fiżiku, apparti dieta mhux bilanċjata.
Il-Ministeru għas-Saħħa, qal Dr. Farrugia, bħalma wiegħed fil-programm elettorali, se jiffoka l-ħidma tiegħu fuq il-problema tal-piż żejjed u se nassiguraw li l-istrateġija tal-obeżità li giet imnedija s-sena li għaddiet, tkompli tiġi msaħħa u implimentata.
Il-programm tal-attivitajiet li sar illum kien jinkludi ‘Kids athletics’. Din l-attività qed issir illum b’kollaborazzjoni mal-Għaqda Maltija tal-Atletika. Dan il-programm ġie maħsub biex irawwem stili ta’ ħajja tajbin filwaqt li t-tfal ikunu qegħdin jilagħbu u jieħdu pjaċir.
Bħala individwi u familji lkoll għandna nieħdu ħsieb is-saħħa tagħna, kif ukoll is-saħħa ta’ wliedna, u għalhekk għandna nieħdu vantaġġ minn opportunitajiet bħal dawn. Barra minn hekk illum se nniedu wkoll ktejjeb li fiħ l-informazzjoni meħtieġa dwar tipi differenti ta’ eżerċizzju li persuna tista’ tagħmel matul l-ġurnata.
Is-saħħa tat-tfal hija priorità u għalhekk bis-saħħa ta’ dawn l-inizzjattivi nawgura li intom bħala tfal titħajjru tibqgħu tipprattikaw xi attività fiżika u tagħrfu l-importanza tal-eżerċizzju tul ħajjitkom bħala investiment f’saħħitkom.
Waqt l-attività ġie mniedi wkoll il-ktejjeb “Stretch into Health”, mid--Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en