IL-MINISTRU GĦAT-TURIŻMU JAGĦMEL ŻJARA LILL-PROĠETT MALTA NATIONAL AQUARIUM
Dalgħodu l-Ministru għat-Turiżmu l-Onor. Karmenu Vella għamel żjara lill-proġett Malta National Aquarium li jinsab fl-akwata ta’ Fra Ben fil-Qawra.
Akkumpanjat mill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Josef Formosa Gauci, il-Ministru Vella ddawwar mal-kumpless kollu fejn seta’ jara l-istat avvanzat li fih jinsabu x-xogħlijiet li għaddejjin fuq dan il-proġett u li huwa wieħed uniku għal Malta.
Fost l-oħrajn il-Ministru żar l-akwata li se tkun miftuħa għall-pubbliku u li se tkun qed tagħmel parti mill-promenade tal-Qawra. Flimkien magħha se jkun hemm ukoll faċilitajiet ta’ logħob għat-tfal.
Il-Ministru għat-Turiżmu iddawwar ukoll mal-bini tal-akwarju li jinsab taħt l-art u li jikkonsisti f’xejn anqas minn 26 tank li se jkun fihom taħlita ta’ ħut tal-Mediterran u li nsibuhom anke fl-ibħra Maltin. Huwa kien muri wkoll ix-xogħlijiet ta’ repliki minn partijiet ewlenin minn Malta li b’xi mod huma sinonimi mal-baħar u ma’ patrimonju storiku u li jkomplu jagħtu kulur u ħajja lil dan il-proġett.
F’kummenti li ta lill-ġurnalisti fi tmiem iż-żjara, il-Ministru għat-Turiżmu Karmenu Vella iddeskriva l-proġett bħala wieħed ta’ attrazzjoni kbira li se joffri esperjenza mill-isbaħ għall-Maltin kif ukoll għat-turisti li se jżuruh.
Qal li jekk dan il-proġett ikun reklamat tajjeb flimkien mal-MTA, kapaċi jattira turisti li jiġu speċifikament biex iżuruh, b’mod partikolari anke familji.
Semma’ kif dan seta’ jkun suċċess permezz ta’ investiment kbir li kien l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu permezz ta’ venture bejn il-privat, l-MTA kif ukoll b’finanzjament mill-Unjoni Ewropea. Innota kif il-proġett jagħmel parti minn pjan ħolistiku għat-tisbiħ u t-tisħiħ ta’ partijiet mill-kosta tat-Tramuntana tal-pajjiż.
Il-Ministru Vella żied jgħid li dan il-proġett se joffri wkoll esperjenza edukattiva għall-istudenti kollha li se jkunu qed iżuru dan l-akwarju.
Huwa wiegħed kull appoġġ min-naħa tal-gvern u tal-MTA sabiex il-proġett ikun suċċess.
Il-proġett tal-Malta National Aquarium huwa mifrux fuq medda ta’ madwar 20,000 metru kwadru ta’ art u jikkonsisti f’akwarju pubbliku, ġnien pubbliku, parkeġġ tat-tip multi storey li jesa’ madwar 160 vettura, faċilitajiet għal skejjel tal-għadds (diving schools,) catering u merchandise, kif ukoll kjosk fejn tingħata informazzjoni lit-turisti.
L-akwarju prinċipali, b’dijametru ta’ madwar 12-il metru mistenni jkun fih diversi speċi ta’ ħut li se jinġiebu mill-Oċean Indjan fosthom numru ta’ klieb il-baħar.
Il-proġett mistenni jiftaħ għall-pubbliku aktar tard ix-xahar id-dieħel u se jkun qed jimpjega mal-100 ħaddiem.
pr0929a.pdf
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en